Lokali

Il-container kien destinat għal indirizz lokali

Id-Dwana kif ukoll il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għandhom l-informazzjoni kollha dwar l-indirizz lokali li kien destinat li jitwassal dan il-container.

Il-container bil-konsenja qawwija ta’ kannabis li nqabad f’nofs din il-ġimgħa fil-Port Ħieles, kellu fattura fuqu li tindika li dan kellu jinħareġ mill-Port Ħieles u jitwassal f’indirizz lokali.

Fil-fatt id-Dwana għandha korrispondenza minn kumpanija rreġistrata f’Malta li kienet iddikjarata li se tirċievi dan il-container.

Madankollu wara li dan il-container kien interċettat mill-fizzjali tad-Dwana, xi ħadd ġibed l-attenzjoni li kien hemm żball fuq il-fattura tiegħu u li l-fattura tiegħu kienet tgħid li dan kellu jitwassal f’indirizz ieħor lil hinn minn xtutna.

Sorsi li tkellmu mal-ġurnal il-mument fissru li kemm id-Dwana kif ukoll il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għandhom l-informazzjoni kollha dwar l-indirizz lokali li kien destinat li jitwassal dan il-container u għalhekk issa sta għalihom biex jistħarrġu aktar fid-dettall.

Madankollu, fil-Port Ħieles hemm min qed jinsisti li kien hemm żball fil-fattura tal-container u li dan ma kienx destinat għal Malta.

Sadattant sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li kemm-il darba dan il-container kien għal destinazzjoni lokali, allura l-intelligence messha ħalliet lil dan il-container joħroġ mill-Port Ħieles u jkun segwit b’mod diskret sakemm il-konsenja titwassal fejn suppost kellha titwassal.

L-istess sorsi staqsew ukoll f’liema stadju xi ħadd induna li l-manifattura li kien qiegħed iġorr dan il-container kienet żbaljata. Qabel ma interċettaw il-container il-fizzjali tad-Dwana? Jew wara?

Kif irrapporta f’nofs din il-ġimgħa l-ġurnal In-Nazzjon, min kien wara t-traffikar ta’ dawn il-ħames tunnellati ta’ droga kannabis ħaseb li jipprova jinganna lill-awtoritajiet billi uża kull mezz possibbli biex jaħbi tali droga. Fil-fatt dawn il-blokki bid-droga kannabis kienu moħbija qalb għadd ġmielu ta’ rollijiet bil-plastik iswed.

Il-fizzjali tad-Dwana rnexxielhom jagħmlu din il-qabda kbira ta’ droga kannabis grazzi għal apparat sofistikat li għandha d-Dwana biex tiċċekkja l-containers.  F’container partikolari rriżulta li seta’ kien hemm oġġetti suspettużi u lil hinn minn dak iddikjarat fil-fattura dwar dak li suppost kien hemm fl-istess container.

Minħabba f’hekk, il-fizzjali tad-Dwana sseparaw dan il-container mill-bqija u bdew l-istħarriġ direttament fuqu. Meta l-fizzjali tad-Dwana fetħu l-bibien tal-container sabu, bl-għajnuna tal-klieb imħarrġa apposta kontra d-droga, għadd ta’ rollijiet tal-plastik oħxon iswed li jintuża mill-industrija agrikola. Meta l-container kien qed jiġi skenjat, il-fizzjali tad-Dwana nnutaw diskrepanzi li wassalhom biex jissuspettaw li kien hemm id-droga moħbija fit-tagħbija.

Minn aktar stħarriġ li sar fuq il-container irriżulta li dan kien telaq lejn Malta mill-Port ta’ Algeciras, fi Spanja.

Il-ħidma mill-fizzjali tad-Dwana wasslet biex f’dan il-container partikulari nstabu mal-ħames tunnellati (5,020kilogramma) reżina tal-kannabis.

Id-Dwana qed tqis li l-valur fit-triq ta’ din it-tieni l-ikbar qabda ta’ droga jammonta għal €7,450,000.

Dwar din il-qabda droga kannabis qed issir Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello li ħatret diversi esperti biex jgħinuha fl-inkjesta.  L-investigazzjonijiet tal-Pulizjia qed jitmexxew mill-Ispettur Anthony Scerri.

Ta’ min josserva li din kienet l-iktar sena pożittiva għad-Dwana fil-ġlieda tagħha kontra t-traffikar tad-droga. F’Settembru li għadda d-Dwana ta’ Malta kienet għamlet qabda ta’ 11,000 kilogramma kannabis f’żewġ containers fil-Port Ħieles u li kienu waslu Malta minn Damasku.