Lokali

“Il-ġid li jinħoloq irid verament jasal għand kulħadd biex ma jkunx hawn nies li jbatu” – Adrian Delia

“Bħala politiċi għandna r-responsabbilità li naraw kif il-ġid li qed jinħoloq verament jasal għand kulħadd. Meta l-ekonomija sejra tajjeb ma nistgħux nippermettu li jkun hawn persuni li jibqgħu ibatu”. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq NET FM.

Adrian Delia qal li sfortunatament matul dawn il-jiem ta’ festi d-differenza bejn dawk li jkunu sejrin tajjeb finanzjarjament u d-dgħajfin u l-batuti fis-soċjetà tagħna tinħass ferm aktar. Adrian Delia faħħar l-inizjattiva tal-Caritas, fejn mijiet ta’ persuni li jinsabu fis-solitudni u m’għandhomx fejn imorru, se jkunu jistgħu jinġabru għall-ikla tal-Milied. Huwa qal li rridu naħsbu wkoll f’dawk il-persuni li matul is-sena d-dieħla mhux se jkollhom aktar saqaf fuq rashom u se jispiċċaw jgħixu fil-garaxxijiet jew fil-karozzi minħabba l-kirjiet għoljin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li kixef il-midja li Neville Gafà qed jaħdem b’mod ‘volontarju’ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa insult lejn il-volontarjat, lejn dawk il-persuni li ta’ kuljum jagħtu ħidmiethom u ħajjithom għal ħaddieħor. Neville Gafà tkeċċa mill-FMS mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne iżda mal-ġurnalisti l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Neville Gafà qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna. Adrian Delia qal li dan huwa kompress malinn meta l-Ministru keċċieh, il-Prim Ministru faħħru u allura Gafà baqa’ hemm bl-insistenza ta’ wieħed u kontra r-rieda tal-ieħor. Huwa qal li n-nies issa qed jindunaw b’din il-politika fjakka, meta l-Prim Ministru spiċċa b’idejh marbutin min-nies ta’ madwaru.

Adrian Delia għamel referenza għall-indiċi tal-World Economic Forum dwar il-benesseri tan-nisa f’Malta. Huwa qal li l-interess tal-Gvern kien il-vot tan-nisa u għalhekk għamel kampanja qawwija ta’ marketing li se jkun l-aktar Gvern femminista ta’ kull żmien. L-istatistika tal-World Economic Forum iżda turi mod ieħor, u n-nisa spiċċaw marru lura f’bosta setturi, speċjalment fid-differenza fil-paga mal-irġiel. Dr Delia qal li l-Gvern ma kellu l-ebda pjan komprensiv sabiex jagħraf id-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw in-nisa. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitkellem u jinvolvi lin-nisa sabiex bi pjan serju jingħelbu l-problemi u n-nisa jiksbu s-suċċess fis-soċjetà.