Internazzjonali

Il-ħidma tal-Gvern Amerikan mistennija tibqa’ wieqfa sa wara l-Milied

Il-waqfien parzjali (shutdown) tal-ħidma tal-Gvern tal-Istati Uniti mistenni jkompli sa wara l-Milied meta ma dehret l-ebda soluzzjoni ‘lesta’ għall-problema attwali rigward ftehim dwar il-baġit.

Is-Senat ta’ Washington li jrid jgħaddi l-ftehim jinsab aġġornat sal-Ħamis waqt li l-President Amerikan, Donald Trump, ħassar il-pjani li kellu biex iqatta’ il-btajjel tal-Milied fi Florida u għandu jibqa’ f’Washington waqt l-istaġun tal-festi.

L-hekk-imsejjaħ ‘shutdown’ beda f’nofsillejl tal-Ġimgħa wara li d-Demokratiċi rreżistew id-domandi ta’ Trump għal ħames biljun dollaru bil-għan li jinbena l-ħajt mal-fruntiera tal-Istati Uniti mal-Messiku.

Donald Trump, intant, wissa li t-taħditiet jistgħu jġebbdu fit-tul meta d-Demokratiċi huma determinati li l-President ‘għandu jwarrab il-pjani għall-ħajt’. Fl-istess ħin, il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, qal li n-negozjaturi għadhom għaddejjin bit-trattativi tagħhom.

Disgħa fost il-ħmistax-il dipartiment federali – inklużi tal-Istat, tas-Sigurtà Interna; tat-Trasport; tal-Agrikoltura u l-Ġustizzja – bdew l-għeluq parzjali wara li, f’nofsillejl tal-Ġimgħa, waqfilhom il-finanzjament f’din is-sitwazzjoni imprevedibbli.

Mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema federali, fil-preżent, qed ikollhom jaħdmu mingħajr ħlas inkella jinsabu fuq leave temporanju. Din hi t-tielet darba, din is-sena, li l-finanzjament federali tal-Istati Uniti spiċċa staġnat, bil-perjodi (simili) l-oħra ma jieħdux fit-tul.

Is-Senat Amerikan kellu sessjoni rari fi tmiem il-ġimgħa iżda ma damx biex jaġġorna.

Intant, il-kap tal-maġġoranza fis-Senat, Mitch McConnell, qal li għalissa ‘l-affarijiet qegħdin fuq pawża’ u li mhu se jkun hemm l-ebda vot ġdid fis-Senat sakemm hu ma jkollux il-firma tal-President u ftehim mid-Demokratiċi dwar ftehim għall-baġit.