Internazzjonali

L-Indoneżja: Mijiet ta’ mejtin u midruba f’tsunami x’aktarx kaġunat mill-vulkan Krakatau

Fl-Indoneżja ietu ’l fuq minn 220 persuna, b’madwar 900 jindarbu, wara li bliet maġenb il-kosta fis-Stretta ta’ Sunda ntlaqtu għal għarrieda minn tsunami (mewġa enormi) fost qerda tal-bini ‘fenomenali’.

Is-Stretta ta’ Sunda, bejn il-gżejjer ta’ Java u Sumatra, tgħaqqad il-Baħar ta’ Java mal-Oċean Indjan u l-uffiċjali qalu li t-tsunami seta’ kien dovut għal sensiela ta’ valangi taħt il-baħar relatati għal żbroff mill-vulkan ta’ Anak Krakatau.

L-aħħar rapporti qalu li l-aġenzija li tieħu ħsieb ir-reazzjonijiet għad-diżastri wissiet lin-nies biex jitbiegħdu mill-artijiet tal-kosta minħabba l-possibbiltà ta’ aktar tsunami.

Intant, it-tsunami qattiela straxxnat diversi destinazzjonijiet popolari mat-turisti, fosthom ir-resort (bajja) ta’ Tanjung Lesung lejn il-Punent tal-gżira ta’ Java.

Ix-xena li ħalliet it-tsunami hi waħda ‘apokalitika’ fejn qed jispikkaw il-fdalijiet ta’ bini meqruda, vetturi u muturi mgħaffġin u ‘baħar ta’ terrapien’.

Dan minbarra l-qerda tas-siġar u stallazzjonijiet tal-elettriku li żiedet il-periklu għan-nies.

L-elementi qerdu wkoll partijiet mit-triq prinċipali għal Pandeglang bir-riżultat li hu diffiċli għall-iskwadri tas-salvataġġ biex jilħqu l-agħar zoni milquta.

L-uffiċjali qalu li mietu ’l fuq minn 160 persuna f’Pandeglang – distrett popolari mat-turisti, f’Java, magħruf għall-bajjiet u n-national park tiegħu.

Intant, mietu aktar minn 50 oħra fil-parti t’isfel ta’ Lampung, fil-gżira ta’ Sumatra, bl-imwiet ikunu rappurtati wkoll fid-distrett ta’ Serang u l-inħawi ta’ Tanggamus (fuq Sumatra). Dan meta l-awtoritajiet qed jinkwetaw li ċ-ċifra tal-mejtin għandha titla’ sostanzjalment fis-sigħat li ġejjin.

L-uffiċjali għall-emerġenzi qed jinvestigaw jekk it-tsunami seħħx b’kaġun ta’ Anak Krakatau, il-gżira vulkanika fis-Sretta ta’ Sunda. Dan meta l-istess vulkan, li parti minnu jinsab taħt il-baħar, kien żied l-attività tiegħu fl-aħħar xhur.

It-terremoti huma xi ħaġa ta’ spiss fl-Indoneżja li tinsab f’zona magħrufa bħala ċ-‘Ċirku tan-Nirien’.