L-awtoritajiet fir-Renju Unit ħelsu raġel u mara li kienu spiċċaw arrestati b’konnessjoni mal-attività bid-drones li, fl-aħħar jiem, ħarbtet l-iskeda tat-titjiriet fl-ajruport ta’ Gatwick. L-aħħar rapporti qalu li ma tressqu l-ebda akkużi kontra r-raġel u l-mara li nżammu mill-Pulizija fil-lejl tal-Ġimgħa fuq suspett dwar ‘użu kriminali tad-drones’.
L-attività bid-drones f’Gatwick – fejn uħud dehru għaddejjin minn fuq il-mitjar – wasslet biex numru sinifikanti ta’ titjiriet jispiċċaw sospiżi għal aktar minn 36 siegħa.
Iżda l-Pulizija ta’ Sussex issa qalu li twarrab kull suspett minn fuq il-persuni arrestati u li dawn ikkoperaw bis-sħiħ mal-investigazzjoni.
Intant, l-investigazzjoni qed tkompli, bil-pulizija tistinka biex taqbad lill-persuni responsabbli mill-inkonvenjent kbir li kellhom ibatu eluf ta’ passiġġieri li riedu jaqbdu t-titjiriet minn Gatwick.
L-operaturi ta’ Gatwick Airport Limited offrew premju ekwivalenti għal €60,000 għal informazzjoni li tista’ twassal għall-arrest u kundanna tal-persuni li ħarbtu l-iskeda tat-titjiriet fi żmien daqstant impenjattiv għat-traffiku tal-ajru.
It-titjiriet mill-ajruport ta’ Gatwick komplew b’rata normali wara li kienu waqfu fil-lejl tal-Erbgħa u tul il-ġurnata tal-Ħamis, bis-sigħat ta’ sospensjoni jaffettwaw lil xi 140,000 passiġġier.
Intant, il-mitjar ta’ Gatwick reġa’ fetaħ nhar is-Sibt, bl-ajruport iħejji għall-ispinta sħiħa ta’ titjiriet fi tmiem il-ġimgħa.
Madankollu, il-passiġġieri kienu avżati għall-possibbiltà ta’ dewmien ‘u intoppi’ oħra waqt li l-ajruport kien qed ilaħħaq mal-iskeda li waqgħet lura sew.
//= $special ?>

