L-eks gowlkiper Peter Schmeichel qal li Manchester United għandhom jaħtru Director of Football u jemmen li jkun kandidat ideali. Il-klabb minn Manchester għaddej minn taqlib fil-klabb hekk kif il-ġimgħa li għaddiet ħatru lil Ole Gunnar Solskjaer bħala manager temporanju sa tmiem l-istaġun wara t-tneħħija ta’ Josè Mourinho.
Bħalissa huma ma għandhom lil ħadd fl-irwol ta’ Director of Football iżda mistennija joħolqu din il-kariga għall-ewwel darba fil-klabb fil-bidu tas-sena d-dieħla. Paul Mitchell li bħalissa jinsab ma’ Leipzig qed jissemma li jista’ jkun maħtur f’din il-pożizzjoni.
F’intervista mal-programm Sportsweek fuq BBC Radio 5, Schmeichel wera x-xewqa li jirritorna fil-futbol u saħaq li l-importanti hu li Manchester United ikollhom lura l-kultura u l-identità tal-klabb. “Nixtieq li nara lil xi ħadd li lagħab hemm u jista’ jġib ftit mill-mentalità ta’ Sir Alex Ferguson fil-klabb kollu. Qed nikkunsidra. Għandi l-kwalitajiet? U jekk nasal għal tweġiba għal din il-mistoqsija npoġġi ismi fil-lista. Se naħsibha fil-jiem tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena u nieħu deċiżjoni,” qal Schmeichel.
Id-Daniż li llum għandu 55 sena, lagħab 129 logħba mad-Danimarka u lagħab tmien snin ma’ Manchester United li fihom rebaħ ħames darbiet il-Premier League, tliet darbiet l-FA Cup u ċ-Champions League.
//= $special ?>