Internazzjonali

1818: Tindaqq għall-ewwel darba ‘Silent Night’

L-għanja tal-Milied O Lejl tas-Skiet jew kif jafha kważi kulħadd, Silent Night, proprju llum – lejlet il-Milied – tagħlaq 200 sena minn meta ndaqqet l-ewwel darba.

Din l-għanja li l-isem oriġinali tagħha hu Stille Nacht, Heilige Nacht hi xogħol li Franz Xaver Gruber ikkompona fl-1818 fuq il-kliem ta’ Josef Mohr, fil-belt żgħira ta’Oberndorf bei Salzburg, fl-Awstrija. Fis-sena 2011 din l-għanja ġiet iddikjarata mill-UNESCO bħala wirt kulturali.

Din l-għanja ġiet esegwita għall-ewwel darba fil-knisja parrokkjali ta’ San Nikola  f’Oberndorf , raħal żgħir fuq ix-xmara Salzach fl-imperu Awstrijak u llum parti mill-Awstrija.

Fl-1817, qassis żagħżugħ, Fr Joseef Mohr, kien mar fir-raħal ta’ Oberndorf. Hu kien kiteb il-kliem ta’ din l-għanja s-sena ta’qabel.

Il-melodija kienet komposta minn Franz Xaver Gruber, li kien il-kap tal-iskola u l-organista ta’ Arnsdorf, raħal fil-qrib. Kien ftit qabel lejlet il-Milied li Mohr għadda l-poeżija ċkejkna li kien kiteb u talbu biex jimmużikahielu u jagħmlilha akkumpanjament għall-kitarra biex tkun tista’ tindaqq matul il-quddiesa tal-lejl tal-Milied.

L-Isem ta’ Josef Mohr kien intesa’ sakemm fl-1955 kien instab manuskritt bil-kaligrafija ta’Josef Mohr. Dan il-manuskritt kien jgħid li Mohr innifsu kien kiteb il-kliem tal-għanja fl-1816 meta kien qed iservi fil-knisja ta’ Mariapfarr. Dan il-manuskritt ikompli jgħid li l-melodija kienet komposta minn Franz Xaver Gruber fl-1818.

Minn hemmhekk, l-għanja kompliet tinxtered madwar l-Imperu Awstro-Ungeriż, il-Ġermanja u l-kumplament tal-Ewropa sakemm fl-1859 ġiet esegwita għall-ewwel darba fl-Istati Uniti, fi New York.

L-ewwel traduzzjoni ta’ Stille Nacht, heilige Nacht saret fl-1859 minn John Freeman Young, qassis tal-Knisja Episkopali li kien addett mal-knisja tat-Trinità fil-belt ta’ New York. Hu kien kiteb u ppubblika l-ewwel traduzzjoni  bl-Ingliż, li hi l-verżjoni l-aktar komuni fid-dinja kollha.

F’Lejliet il-Milied tal-1914, fl-eqqel tal-Ewwel Gwerra Dinjija, il-moti ta’ Silent Night, kantata bl-Ingliż u bil-Ġermaniż mis-suldati fuq il-fruntiera, sikktet il-kanuni u għal jum wieħed,  il-Gwerra waqfet.

Illum il-ġurnata din l-għanja ġiet tradotta f’140 lingwa differenti, fosthom bil-Malti.

Fl-2011, din l-Ghanja tal-Milied kienet iddikjarata mill-UNESCO bħala Wirt Kulturali Intanġibbli.