Fil-messaġġ tiegħu għall-Festa tal-Milied, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J Scicluna qal li hi xi ħaġa verament sabiħa li aħna bħala Maltin u Għawdxin għadna ngħożżu l-valur tal-ħajja li jidher konkretament f’kull tarbija ġdida li titwieled.
Hu awgura li bħala poplu, nibqgħu ngħożżu dan id-don tal-ħajja.
Monsinjur Arċisqof fakkar il-200 anniversarju tal-għanja għażiża O Lejl ta’ Skiet u qal li l-ħemda ġejja mill-paċi, mill-għożża u mill-maħfra bejnietna.
Din il-ħemda, kompla l-Arċisqof, tfakkarna wkoll fil-bżonn li kultant nieqfu ftit f’ħajjitna biex nirriflettu minn fejn ġejjin u fejn sejrin.
Il-fidi tagħna l-Insara tgħidilna li r-risposta tal-mistoqsijiet tal-għatx fundamentali tagħna qiegħda f’dik it-tarbija ċkejkna u vulnerabbli li qed tistedinna biex nisimgħu il-leħen tagħha.
L-Arċisqof temm il-messaġġ tiegħu b’appell mill-ġdid sabiex nibqgħu ngħożżu l-ħajja, li tibda mit-tnissil u tkompli sakemm tasal fi tmiemha fix-xjuħija f’dinjita’.
//= $special ?>

