Internazzjonali

‘It-trattat tal-Milied’ – 104 snin mill-waqfien mill-ġlied

It-Trattat tal-Milied tal-Ewwel Gwerra Dinjija.

Fil-Milied tas-sena 1914 madwar 100,000 suldat mill-kamp Brittaniku li kien jinkludu bosta Skoċċiżi u truppi Ġermanizi waqfu mill-ġlied tul il-fruntiera tal-punent.

L-ewwel ‘trattat’ informali tal-Milied kien bħal-lum mija u erba’ snin ilu, fejn beda kollox meta lejliet il-Milied is-suldati Ġermaniżi ħarġu numru ta’ siġar tal-Milied madwar it-trinek tagħhom. F’dik l-istess lejla il-Ġermaniżi wkoll ħargu numru ta’ xemgħat u bdew ikantaw innijiet tal-Milied. Min-naħa l-oħra l-Brittaniċi bdew ikantaw l-innijiet tagħhom u ftit wara dawn iż-żewġ naħat ħarġu mit-trinek tagħhom u bdew isselmu u jagħtu l-awgurju l-xulxin.

Ftit wara dan, xi suldati miż-żewġ naħat qasmu fl-art magħrufa bħala n-‘no man’s land’ u qasmu bejniethom xi rigali li kienu f’forom ta’ tifkiriet bħall-buttuni u kpiepel, ikel, sigaretti u alkoħol u kif ukoll kantaw xi innijiet flimkien.

F’Jum il-Milied tal-1914 kien hemm ċerimonji ta’ dfin u tpartit tal-prigunieri maqbuda, huma l- bosta sorsi u anke ritratti jixhdu li l-ġnus msemmija lagħbu l-futbol flimkien. F’ħafna żoni dan it-trattat ta’ paċi dam sal-ewwel tas-sena, tas-sena tal-1915.

Is-sena ta’ wara, ftit unitajiet irranġaw il-waqfien mill-ġlied fi żmien il-Milied; dan minħabba ordnijiet miktubin bi kliem iebes mill-kmandanti għolja taż-żewġ naħat li pprojbixxu kull tip ta’ waqfien mill-ġlied fi żmien il-Milied.

Ħafna jirreferu għat-trattat tal-Milied tal-1914, bħala mument simboliku ta’ paci fl-umanità, f’nofs waħda mill-aktar avvenimenti vjolenti tal-istorja tal-bniedem.