Lokali

L-aħħar messaġġ tal-President Marie Louise Coleiro Preca

Fl-aħħar messaġġ tagħha għall-Milied bħala President ta’ Malta u Għawdex, Marie-Louise Coleiro Preca irringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi ta’ kemm il-darba laqagħha b’pożittività.

Coleiro Preca spjegat kif il-Milied huwa tat-tfal, fejn irringrazzjat lit-tfal ta’ dak kollu li titgħallem mingħandhom.

Stqarret li fis-soċjetà li ngħixu fiha hawn nuqqas kbir ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali. Hi qed taħdem flimkien ma’ Richmond Foundation u mal-assoċjazzjoni tas-saħħa Mentali f’Għawdex biex jittejjeb dan l-għarfien.

Il-biċċa l-kbira tat-tfal kellmu lil Coleiro Preca dwar il-bullying. Hi stqarret ukoll illi hawn problema kbira ta’ vjolenza domestika fejn il-bullying isir fid-djar ukoll, fejn it-tfal anke jiġu msawwta.

Hawnhekk appellat biex tixxerred kampanja kontra s-swat fuq it-tfal għas-sena l-ġdida.

Apparti minn hekk, il-vjolenza domestika testendi għal nisa u rġiel li jgħixu l-Milied imwerwra li se jaqilgħu xebgħa mill-partner tagħhom.

Appellat ukoll biex in-nies jieqfu jiġġudikaw minn wara dahar xulxin.

Coleiro Preca spjegat kif fetħet beraħ il-Palazz għaliex huwa l-post fejn mijiet u eluf ta’ nies ħadmu, tkellmu flimkien, argumentaw ma’ xulxin biex xprunaw id-djalogu bejn il-poplu.

Qalet illi tiċċelebra l-għaqda man-nies meta ningħaqdu bħala nies li ngħixu fuq din il-gżira bla differenza ta’ kulur, reliġjon, kultura, orjentazzjoni sesswali u assoċjazzjoni politika.