“Minħabba aljenazzjonijiet diversi n-nies m’għadhomx iżuru l-presepji”.
Dan kien il-messaġġ prinċipali tal-presepista Jean Pierre Mifsud li ta lil NET News.
Huwa spjega kif jixtieq jqajjem għarfien dwar il-presepji u li dawn jistħoqqilhom ħafna xogħol li eventwalment ma jiġix rikonnoxxut.
Jean Pierre Mifsud qed jesebixxi l-presepju tiegħu għall-pubbliku għas-seba’ sena konsekuttiva ġewwa Triq Espedito Catania, Ħaż-Żabbar.
Il-presepju huwa mfassal fuq xeni bibbliċi li ġraw fil-lejl qaddis tal-Milied, fuq kobor ta’ 110 pied kwadru magħmul minn ġibs, jablo u kartapesta.
Il-presepju huwa mimli b’pasturi magħmulin lokalment minn Jesmond Micallef.
Apparti dan kollu, il-presepista dawwal il-presepju b’dawl li jinbidel skont il-ħinijiet differenti tal-ġurnata. Dan isir flimkien ma’ mużika li toħloq atmosfera li ddaħħal lill-pubbliku u lid-dilettanti fix-xenarju tal-presepju tradizzjonali Malti.
Mifsud jisħaq li permezz tal-presepju, wieħed ikun jista’ jiftakar it-tifkira u l-veru tifsira tal-Milied. Spjega wkoll illi max-xbieha ċentrali ta’ Ġesù Bambin fil-presepju hemm marbutin umiltà, faqar, imħabba u serenità.
Mifsud spjegalna illi presepju bħal dan isir mill-ġdid kull sena u li x-xeni bibbliċi jvarjaw minn sena għal oħra.
Kompla jgħid illi l-presepju saħansitra jitkisser fit-tmiem tal-istaġun tiegħu.
Il-presepju se jkun miftuħ għall-pubbliku sas-6 ta’ Jannar u jiftaħ kuljum mill-10am sal-12pm u mill-5 sad-9pm.
//= $special ?>