Lokali

€50 li għamlu differenza – Tħallas il-ġugarelli ta’ familja li ma kellhiex biżżejjed flus

Il-ħaddiem soċjali Omar Rababah irrakonta fuq il-midja soċjali kif familja bit-tfal li kienu waslu quddiem il-kaxxiera biex iħallsu għall-ġugarelli tal-Milied kien se jkollhom iroddu nofshom lura, li kieku ma kienx għall-qalb tajba ta’ waħda mara li nzertat fil-ħanut dak il-ħin.

Omar Rababah qal li kien qed jakkumpanja lil din il-familja f’ħanut biex isarrfu l-vouchers tal-inizjattiva Childrens’ Dreams, li tgħin fix-xiri tar-rigali għal tfal vulnerabbli. Fir-rakkont huwa qal kif fl-aħħar tax-xirja din il-familja kellha żewġ tipi ta’ vouchers, iżda dak ta’ wara l-bank qalilhom li setgħu jsarrfu wieħed biss. Dan kien ifisser li kien se jkollhom iroddu nofs ix-xirja lura, u li b’hekk uħud mit-tfal kienu se jibqgħu bla rigal.

Madankollu sewwa jgħidu li Alla dejjem jibgħatlek anġlu, u inzerta wkoll li f’dak il-ħin mal-bank tal-kaxxiera dak il-ħin kien hemm klijenta oħra, li ndunat b’dak li kien qed jiġri. Dlonk dlonk u mingħajr ma ħasbitha darbtejn daret fuq Rababah u filwaqt li tat nota ta’ €50, qaltlu “Ħa, uża din.”

Rababah qal li għall-ewwel ħaseb li kienet se tibdillu l-flus kontanti mal-voucher, iżda meta mar biex jagħtiha l-voucher, m’aċċettatux, u weġbitu biss “Happy Christmas.”

Omar pubblikament irringrazzja lil din il-mara, li għalkemm ma kinitx tafhom, qabdet u għenet lilu u lil din il-familja lejliet il-Jum tal-Milied mingħajr “ħafna daqq tat-trombi”.