Nhar is-Sibt l-1 ta’ Diċembru ġie nawgurat presepju ambjentat fil-Belt Valletta ġewwa l-binja tal-Parlament mid-Deputat Speaker, Claudette Buttiġieġ.
L-iSpeaker Anġlu Farrugia kien avviċina lill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa biex presepju tant artistiku li kien ġie esebit fil-Każin tal-Għaqda s-sena l-oħra jiġi esebit propju fil-Parlament fis-sena li l-Belt Valletta għandna t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Adrian Gatt, presepjista fi ħdan din l-Għaqda, tkellem magħna dwar minn fejn ġiet l-idea li jambjentaw presepju fil-Belt u x’xogħol ħadu l-voluntiera tal-Każin biex bnew u ramaw il-presepju fil-Parlament:
“Issa ilna 6 snin nagħmlu presepju fuq stil Malti. Ġietna l-idea li nagħmlu presepju b’xeni tal-Belt Valletta fid-dawl li qed niċċelebraw il-Valletta18 u ridna propju nħalluh għal din is-sena biex nagħmluh kollu fuq il-Belt. Ġejt ma’ 3 iħbieb oħra mill-Każin(Charles Attard, Ray Zammit u Pierre Vella) l-Belt u ħadna diversi sketches biex bdejna nibnu u niffurmaw dan il-pajsaġġ Belti.”
Huwa elabora aktar dwar xi xeni partikolari li siltu mill-Belt Valletta:
“Fost ix-xeni nsibu t-Teatru l-Imwaqqa’, għandek ix-xena tal-Knisja tal-Vitorja warajh u fl-isfond tidher Kastilja. In-naħa l-oħra għandek djar tipikament Maltin fil-Belt u Imbagħad għandek il-parti t’isfel partijiet mis-swar tad-dawra tal-Belt Valletta. Il-grotta tinsab f’dar imġarrfa wara li konna sibna bosta ritratti ta’ djar imġarrfa fi żmien il-gwerra.”
Wieħed mill-personaġġi, il-Gran Mastru La Valette jinsab imdawwar fl-isfond tas-swar li kienu importanti għar-rebħ tal-Assedju l-Kbir.
Fil-presepju hemm ukoll numru ta’ pasturi li huma persunaġġi magħrufin f’Ħal Luqa, fosthom l-abbati Ġorġ Sapiano li fl-1883 għamel il-prietka tal-Milied. Minn din is-sena, din it-tradizzjoni bdiet issir fil-parroċċi kollha. Barra dan, kull pastur huwa liebes ilbies tradizzjonali Malti.
Il-pubbliku mistieden iżur il-presepju artistiku fil-Parlament ta’ Malta mill-1 ta’ Diċembru 2018 sas-6 ta’ Jannar 2019 f’dawn il-ħinijiet: mit-Tnejn sal-Ħadd bejn id-9 ta’ filgħodu sat-8 ta’ filgħaxija.
Intant, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ħadmet fuq presepju ieħor b’pajsaġġ Malti iżda mhux fil-Belt Valletta li se jiġi esebit fil-Każin tal-istess Għaqda biswit il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa sas-6 ta’ Jannar.
//= $special ?>