Jum il-Milied … il-jum li fih id-dinja tiċċelebra din il-ġurnata għax jitfakkar it-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Iċ-ċelebrazzjonijiet għal ħafna Maltin u Għawdxin f’lejliet din il-festa qaddisa, bil-Purċissjoni tal-Bambin u l-Quddiesa ta’ Nofsillejl bil-Prietka tat-Tifel.
Ħafna huma dawk li anke marru Early Breakfast, fejn mijiet ta’ ristoranti jilqgħu eluf ta’ Maltin biex jieħdu l-kolazzjon fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
Fil-ħin ta’ nofsinhar tispikka l-ikla tradizzjonali tal-Milied, fejn il-familji jiltaqgħu biex isellmu lil xulxin, oħrajn ukoll jinġabru filgħaxija jew anki wħud ifittxu li forsi jibqgħu ġewwa mal-familja.
Fil-Milied il-Maltin jingħaqdu mal-kumplament tad-dinja biex isegwu l-‘Urbi et Orbi’, jiġifieri l-Barka u t-Tislima mill-Papa Franġisku.
Għal dan il-Milied il-messaġġ tal-Papa reġa’ kien dak tal-unità u l-fraternità bejn il-ġnus. Li l-għaqda li jġib it-twelid ta’ Ġesù Bambin fid-dinja, tibqa’ tul is-sena kollha.
Bħal kull sena wkoll f’pajjizna kellna l-messaġġ tal-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, li waqt il-Quddiesa fil-Konkatidral din is-sena appella biex nibqgħu ngħożżu l-ħajja… il-ħajja li tibda mit-tnissil u tispiċċa sat-tmiem naturali ta’ kull persuna.
//= $special ?>