Lokali

L-akbar ballun dekorattiv riċiklat tal-Milied f’Malta

Esebit bħala parti minn wirja tal-Milied fiż-Żejtun

B’kejl ta’ ftit aktar minn 3 metri u magħmula b’aktar minn 4000 biċċa, il-Malta Records ippremjat lil Charlie Buttiġieġ f’isem l-Għaqda Banda Żejtun b’rekord uffiċjali għall-akbar ballun dekorattiv tal-Milied magħmul minn materjal riċiklat.

Buttiġieġ stqarr magħna l-imħabba tiegħu lejn il-Milied ta’ tfulitu u ilu għal diversi snin jarma b’oġġetti riċiklati. Fisser magħna minn fejn ġiet il-ħajra għal dan il-ballun:

“Din is-sena tħajjart nagħmel ballun dekorattiv, xi ħaġa differenti mis-soltu għaliex siġra tal-Milied u presepju għandu kulħadd. Dan il-ballun inħadem minn materjal riċiklat, b’ toilet u kitchen rolls fost l-oħrajn. Fil-proċess, dawn tqattgħu, tweħħlu bil-kolla u ġew iddekorati bil-glitter biex ħareġ il-prodott finali b’ 4032 biċċa weraq.”

B’kollox, Charlie Buttiġieġ ħa madwar xahar biex lesta dan il-ballun, li jikkumplimentah se jkollu xi fanali magħmulin minn materjal riċiklat ukoll. Fost il-materjali użat użati nsibu l-qafas tal-kartun, biċċiet tal-injam minn kannestri mormija u kolla tad-dqiq skaduta fost l-oħrajn. Charlie radd ħajr lil bosta nies, fost il-kunsillier Nazzjonalista fuq Birżebbuġa, Johann Borg, li offrewlu dan il-materjal kollu użat.

Dan il-ballun se jkun esebit fis-sede tal-Għaqda Banda Żejtun sal-Ewwel tas-Sena u se jkun parti minn esebizzjoni artistika abbinata mal-Milied imtella’ mis-Sotto-Kumitat Kultura fi ħdan l-istess Għaqda.

F’din l-esebizzjoni wieħed isib presepju artistiku statiku maħdum mill-aħwa Edward u Joseph Bugeja flimkien mas-Segretarju, Brian Bonnici, li ilhom minn wara l-Festa ta’ Santa Katarina ‘l hawn għaddejjin fuqu.

Edward Bugeja, wieħed mill-presepjisti, tkellem magħna fuq ix-xogħol li ħadu.

“L-ewwel ma bdejna ngħaffġu l-kaxxi tal-kartun. Imbagħad bdejna nibnuh, għamilna l-kolla u wara bdejna niżbgħu.”

Innutajna bosta persunaġġi mhux tas-soltu bħall-ħassiela, id-daqqaqa, id-dehra tal-anġlu lir-rgħajja u lil San Franġisk t’Assisi, li ħoloq l-ewwel xena tan-Nattività ta’ Ġesù Bambin lura fl-1223:

“Il-presepju fih ħafna għerien u djar, allura trid iddur ma’ dan il-presepju kbir. Għandkom tieħdu pjaċir bih!”