Lokali

“Nipproteġu l-ħajja sa mit-tnissil” – il-messaġġ tal-Aċisqof f’Jum il-Milied

L-appell tal-Arċisqof Charles Scicluna lill-poplu Malti u Għawdxi hu biex nibqgħu ngħożżu l-ħajja u dak kollu li jiġi magħha … ħajja li tibda mit-tnissil u tispiċċa sat-tmiem naturali ta’ kull persuna.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna f’jum il-Milied waqt il-quddiesa ċċelebrata minnu f’Jum il-Milied ġewwa l-Kon Katidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.

Huwa beda l-messaġġ tiegħu billi semma s-sentenza li tul ħajtu kollha, il-qaddis Malti San Ġorġ Preca għallimna biex ngħożżu – dik ta’ Verbum Dei Caro Factum Est.

Hekk kif f’dan il-jum madwar id-dinja kollha qed jiġi ċċelebrat il-jum li l-Iben t’Alla sar bniedem, Monsinjur Scicluna qal li d-dawl jiddi fid-dlam u d-dlam ma jegħlbux.

“Għandna nħarsu ‘l quddiem u nfittxu d-dawl li jtina t-tama,” iddikjara Monsinjur Arċisqof

Hu saħaq li fid-dawl ikolna risposti li xi kultant ikunu diffiċli u li kapaċi jegħlbuna. B’hekk, kompla jgħid li jekk wieħed ifittex id-dawl, ikun qed ifittex it-tama għal ħajtu.