Lokali

500 persuna jattendu l-ikla tal-Milied tal-Caritas

RITRATT: Newsbook

Għar-raba’ sena konsekuttiva kienet organizata ikla tal-Milied, b’500 persuna nġabru fil-Kurja, fil-Furjana fejn iċċelebraw il-Milied flimkien.

Il-Caritas reġgħet ħasbet għal dawk li mhumiex daqshekk ixxurtjati li jqattgħu l-jum tal-Milied mal-għeżież tagħhom u oħrajn li qed ibatu b’mod finanzjarju. Dan hekk kif għal sena oħra reġgħet saret l-ikla tal-Milied f’12pm mingħajr ebda ħlas. Waqt l-ikla kien hemm divertiment ipprovdut mill-grupp X-Tend.

Għal sena oħra l-ikel kien ipprovdut mill-fondazzjoni Alfred Mizzi u t-tisjir sar kollu mill-koki fir-ristoranti tal-istess fondazzjoni. Barra minn hekk kien hemm diversi kumpaniji oħra li offrew prodotti b’donazzjoni.

Dawk li jsegwu programm ta’ rijabilitazzjoni fil-Caritas kienu fost dawk preżenti li għinu fil-preparamenti għal din l-ikla.

Fost il-volontiera li attendew għal din l-ikla, kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li serva lin-nies preżenti u ħa din l-opportunità biex jifhem dak li jgħaddu minnu, min fis-solitudni u min fil-faqar.

Fil-messaġġ tiegħu tal-Milied għal din is-sena, Adrian Delia kien ħabbar li għalih, dan se jkun Milied fejn jifhem dak li għaddejjin nies li qed jirriskjaw jitilfu darhom, dawk li qed jiġġieldu mal-isfidi tal-ħajja, il-morda, persuni b’diżabbiltà u dawk fis-solitudni.

Wara li tgħaddi l-ikla, Caritas Malta tibqa’ ssegwi l-każijiet individwali ħalli s-solidarjeta’ murija nhar il-Milied, titkompla tul is-sena kollha.