Priġunier ieħor imut fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin f’temp ta’ ftit ġranet. Stqarrija mill-istess Faċilita’ Korrettiva tgħid li raġel instab mitluf minn sensih fiċ-ċella tiegħu, fejn ftit tal-minuti qabel kien qal li mhux iħossu tajjeb u talab pilloli għall-uġiegħ.
L-istqarrija tkompli li l-uffiċjali korrettivi taw l-ewwel għajnuna sakemm il-priġunier ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Sfortunatament, il-priġunier kien ċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara. Dwar dan il-każ qed issir investigazzjoni mill-pulizija u nkjesta maġisterjali. Għadejja wkoll, investigazzjoni interna fil-ħabs.
Dan hu t-tieni każ matul dan ix-xahar. Fil-11 ta’ Diċembru, żagħżugħ ta’ 26 sena ukoll instab mejjet fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
Dawn il-każi qed iqanqlu tħassib serju fost il-qraba u ħbieb dwar is-sigurta’ tal-għeżież tagħhom. F’dawn l-aħħar jiem, xi qraba ta’ priġunieri ilmentaw ma’ Net News dwar numru ta’ miżuri li ttieħdu mit-tmexxija tal-ħabs li fl-opinjoni tagħhom qed tgħakkes lill-priġunieri bla bżonn.
Huma semmew fost oħrajn, it-tibdil fil-ħinijiet li fihom qed jissakkru fiċ-ċella, limitazzjonijiet fuq xi ħwejjeġ jistgħu jilbsu kif ukoll tnaqqis f’dawk li huma magħrufa bħala extended visits.
//= $special ?>