Lokali

Jinqabdu mad-90 kilogramma kokaina fil-Port Ħieles

Mad-90 kilogramma ta’ droga kokaina instabu f’żewġ kontejners separati fil-Port Ħieles. Is-sejbiet seħħew illum waranofsinhar wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu uffiċjali tad-Dwana mill-Container Monitoring Unit għażlu numru ta’ kontejners sabiex jgħaddu mill-proċedura tal-iscanner.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet instabu mal-35 pakkett mimlija kokaina – moħbija fil-kumpressur li jkessaħ il-kontejner. Filwaqt li d-droga kient moħbija mal-banana, il-piż ilaħħaq mat-42 kilogramma għal valur fit-triq ta’ ftit inqas minn 5 miljun ewro.

Waqt dawn l-istess spezzjonijiet saret sejba f’kontejner ieħor – ukoll iġorr il-banana – b’aktar minn erbghin pakkett kokaina li jlaħħaq it-48 kilogramma. Il-valur tat-triq ta’ din il-kwantità jlaħħaq il-5 miljun ewro.

Iż-żewġ kontejners kienu daħlu f’pajjiżna mill-Ekwador fi triqithom lejn Thessaloniki, fil-Greċja.

Sadanittant, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għaddejjin bl-investigazzjonijiet immexxija mill-Ispettur Justyne Grech. Dan filwaqt li l-Maġistrat Gabriella Vella qed tmexxi l-inkjesta maġisterjali flimkien ma’ tim ta’ esperti mill-Iskwadra Forensika.

Din żgur kienet sena li tista’ titqies bħala waħda ta’ suċċess għad-Dwana Maltija hekk kif s’issa f’temp ta’ ftit aktar minn xahar instabu mal-178 kilogramma kokaina għal valur fit triq li jaqbez it-18-il miljun ewro.