Sport Sport Ieħor

Erba’ jottijiet supermaxi f’taqtigħa għar-rebħ tal-74 edizzjoni tat-tellieqa minn Sydney għal Hobart

(Ritratt: EPA)

Erba’ jottijiet supermaxi jinsabu qrib xulxin fil-battalja missielta fl-ilma biex jaqsmu l-linja finali l-ewwel, f’dik li l-organizzaturi qed jgħidu li hi l-aktar tellieqa missielta fl-istorja tat-tiġrija minn Sydney għal Hobart, f’dik li hi l-74 edizzjoni.

Madwar disa’ kilometri kienu qed jisseparaw il-jottijiet il-kbar hekk kif għaddew mill-kosta tal-lvant tal-Awstralja, bir-rebbieħa tal-line honours tas-sena li għaddiet Comanche, jinsabu ftit qabel Black Jack, Wild Oats 11 u Infotrack.

Il-vantaġġ kien qed jinbidel regolarment bejn Comanche u Wild Oats 11, minn meta l-jottijiet telqu l-Port ta’ Sydney f’Boxing Day fit-tellieqa twila 628 mil nawtiku. Is-sena l-oħra, il-jott Wild Oats 11 kien l-ewwel wieħed li wasal f’Hobart iżda ma spiċċax ir-rebbieħ wara li ngħata kważi siegħa penalità minħabba li kważi kkawża ħabta.

Illum wara nofsinhar ġie mmarkat l-20 anniversarju minn meta sitt baħħara tilfu ħajjithom, fejn ġie osservat mument ta’ silenzju filwaqt li nqara messaġġ ta’ kommemorazzjoni.