Għawdex Lokali

FILMAT: Ir-raħal tan-Nadur joffri l-għajnuna

Ftit ġranet wara li n-Nadur iffirma l-ġemelaġġ ma’ muniċipalità ta’ Zafferana Etnea, dan l-istess pajjiż ntlaqat mit-terremott u l-iżbroff tal-Etna.

Avveniment naturali li wassal biex 28 sfaw feruti, 370 spiċċaw bla saqaf fuq rashom waqt li iktar familji fl-aħħar sigħat ġew evakwati wara li bdiet tidher iktar ħsara fit-toroq.

Iżda l-qalb tajba tan-Nadurin tispikka fit-traġedja tal-aħħar jiem tat-terremot fi Sqallija, hekk kif diversi Nadurin offrew mill-ewwel l-għajnuna tagħhom lill-Isqallin vittmi.

L-offerta tal-għajnuna saret mis-Sindku tan-Nadur Edward Said, li f’kummenti lil Net News qalilna aktar dwar il-ġenorożità tan-Nadurin ma’ dawk fil-pajjiż Sqalli ta’ Zafferana Etnea.

Said qal li bosta Nadurin huma lesti joffru rifuġju u għajnuna lill-vittmi ta’ Zafferana u għalhekk, il-Kunsill qiegħed f’kuntatt kontinwu mas-Sindku tal-post, Alfio Russo biex jgħin fejn hemm bżonn.

Is-Sindku tan-Nadur qalilna li l-komunità kollha tan-Nadur diġà qed tagħmel ukoll dak kollu li tista’ biex tgħin anki bl-affarjiet materjali u anki bit-talb.

L-attività volkanika tal-Etna kompliet bis-saħħa l-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tat-3.20 ta’ u nħasset theżżiża ta’ 4.8 fuq l-iskala Richter. Numru ta’ persuni weġġgħu riżultat tat-terremot u ġie rapportat t-tiġrif f’għadd ta’ binjiet fl-inħawi.