Internazzjonali

Il-Greċja: Midruba fi splużjoni quddiem knisja, f’Ateni

Splużjoni ta’ bomba żgħira li seħħet dalgħodu quddiem il-Knisja ddedikata lil San Dijonisju fiċ-ċentru ta’ Ateni, ħalliet żewġ persuni midruba, fosthom pulizija.

L-awtoritajiet qalu li l-isplużjoni kienet dovuta għal tagħmir li ma kienx ta’ tip sofistikat, bil-pulizija jkun trattat għal feriti ħfief li ġarrab f’idu u f’saqajh wara li hu kien mar jispezzjona pakkett suspettuż fl-inħawi, flimkien mar-raġel responsabbli mill-manuntenzjoni tal-knisja.

Dan ir-raġel ukoll spiċċa midrub fl-inċident u kellu jiddaħħal l-isptar flimkien mal-pulizija.

Il-knisja inkwistjoni tinsab fid-distrett sinjur ta’ Kolonaki u mhix ‘il bogħod mill-bini tal-Bank Ċentrali tal-Greċja. L-awtoritajiet Griegi mhumiex qed jeskludu li l-isplużjoni setgħet twettqet minn grupp ta’ anarkisti jew radikali tax-xellug.