Inter se jilagħbu ż-żewġ logħbiet li jmiss f’darhom bil-bibien magħluqa wara l-inċidenti li ġraw ilbieraħ qabel u fil-logħba kontra Napoli. Partitarju ta’ Inter miet wara li ntlaqat minn karozza f’inċidenti qabel il-logħba, u f’inċident separat erba’ partitarji ta’ Napoli kienu feruti wara li ż-żewġ naħat tal-ultras iltaqgħu madwar siegħa qabel il-logħba. Waqt il-logħba kien hemm kori razzisti lejn id-difensur ta’ Napoli Kalidou Koulibaly minn sezzjoni ta’ partitarji ta’ Inter.
Il-Federazzjoni Taljana kkonfermat ukoll li l-logħbiet tas-Serie A s-Sibt li ġej se jintlagħbu kif skedat. Aktar kmieni llum il-President tal-FIGC Gabriele Gravina kien ta ħjiel li l-logħbiet tas-Sibt jistgħu jitħassru kawża tal-vjolenza li seħħet fl-akwati ta’ San Siro.
Is-sindku ta’ Milan Giuseppe Sala talab apoloġija lil Koulibaly filwaqt li d-Deputat Prim Ministru tal-Italja Matteo Salvini qal li se jsejjaħ laqgħa ta’ emerġenza fis-sena l-ġdida.
B’hekk Inter se jilagħbu l-logħba tal-Coppa Italia kontra Benevento fit-13 ta’ Jannar u kontra Sassuolo fid-19 ta’ Jannar mingħajr partitarji.
//= $special ?>