Lokali

Jiġu installati numru ta’ defibrillators fil-Belt Valletta

Il-Belt Valletta saret l-ewwel lokalità fil-pajjiż li qegħda toffri ‘servizz mediku pubbliku’ li permezz tiegħu l-pubbliku inġenerali jista’ jkun strumentali biex tkun salvata l-ħajja ta’ individwu li jista’ jħossu ħażin bla mistenni, partikolarment kawża ta’ attakk tal-qalb.

Madwar il-Belt se jkun hemm tmien magni, teknikament magħrufin bħala automated external defibrillator (AED) li permezz tagħhom tista’ tingħata l-ewwel għajnuna lill-persuna milquta, għajnuna li tista’ tkun kruċjali bejn ħajja u mewt.

Waqt l-inawgurazzjoni li saret il-Ħamis filgħodu, kien innutat li għalkemm saru ħafna attivitajiet, Valletta 2018 ma kinetx tkun kompluta mingħajr din l-inizjattiva li biha qed titħares il-ħajja tal-bniedem.

Mit-tmien AEDs s’issa ġew installati sitta—waħda ħdejn il-gabbana tal-Malta Public Transport fit-terminus tal-karozzi tal-linja tad-daħla tal-Belt; waħda f’Marsamxett; oħra qrib Kastilja; waħda ħdejn l-Ispiżerija quddiem il-bini tal-Parlament; oħra quddiem l-Ispiżerija quddiem il-Knisja ta’ San Franġisk fi Triq ir-Repubblika; u oħra quddiem l-Ispiżerija fi Triq it-Teatru l-Qadim.

Iż-żewġ AEDs l-oħra li mistennija jkunu installati fil-jiem li ġejjin se jkunu waħda fi Triq id-Dejqa u l-oħra fi Triq il-Merkanti quddiem is-Suq tal-Belt.