Tfajla ta’ dixxindenza Maltija tilfet ħajjitha u s-sieħeb tagħha, ukoll dixxindenti Malti, għadu f’qagħda kritika wara inċident li seħħ f’jum il-Milied, fl-Awstralja.
L-inċident seħħ fi Sturt Highway, f’New South Wales għall-ħabta tas-sitta u kwart ta’ filgħodu ftit sigħat wara li Casey Mallia, li kellha 19-il sena, u s-sieħeb tagħha Matthew Agius ħallew Sydney għal vaganza.
Membri tas-salvataġġ li waslu fil-post sabu liż-żewġ żgħażagħ jissieltu għal ħajjithom maqbuda f’vettura tat-tip Toyota Hilux li kienet qed tinstaq minn Matthew. Huma ttieħdu lejn l-isptar permezz ta’ ħelikopter, fejn Casey mietet ftit sigħat wara, waqt li Matthew għadu jissielet għal ħajtu taħt kura intensiva.
Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li Matthew tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu, ħareġ mit-triq u nqalbu, bil-konsegwenza li nqabdu fit-tifrik.
Skont persuni li tkellmu ma’ The Daily Telegraph, il-koppja kienet inseparabbli tant li kienu qed jikkunsidraw ukoll li jiżżewġu. Qraba tal-familja ddikjaraw li ħadd daqs Matthew ma kien jirnexxielu jagħmel lil Casey kuntenta.
L-Assistent Kummissarju responsabbli mit-Traffiku u l-Osservanza tal-Highways, Michael Corboy appella għal iktar kawtela fit-toroq u qal li din il-fatalità tfisser li familja oħra se jkollha persuna għażiża għaliha nieqsa matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-jiem li ġejjin.
S’issa ma jidhirx li kien hemm vetturi oħra involuti f’dan l-inċident. L-investigaturi stabbilew li ma seħħ l-ebda impatt ma’ vetturi oħra.
//= $special ?>