Il-livell tal-allert fir-rigward tal-vulkan Anak Krakatau, fl-aħħar sigħat, kien stabbilit fit-tieni l-ogħla livell possibbli. Dan wara attività ‘partikularment qalila’ mill-vulkan u meta l-awtoritajiet qegħdin isegwu ż-żieda fil-movimenti vulkaniċi.
Intant, kienu introdotti r-rotot ġodda għat-titjiriet li kellhom jgħaddu miz-zoni ta’ madwar il-vulkan, bl-awtoritajiet anki jiffissaw zona ta’ esklużjoni ta’ ħames kilometri.
L-aġenzija fl-Indoneżja li tikkontrolla l-impatt tad-diżastri naturali qalet li l-alert level issa żdied minn ‘tnejn’ għal ‘tlieta’, bis-sitwazzjoni tal-vulkan tibqa’ imprevedibbli.
Nhar is-Sibt, l-attività mill-vulkan Anak Krakatau xprunat tsunami (mewġ enormi) li qatlu l-mijiet tan-nies, bl-awtoritajiet Indoneżjani jikkonfermaw – skont l-aħħar data — li ‘reġgħet żdiedet l-attività vulkanika’.
Għaldaqstant, iz-zona ta’ periklu stabbilita spiċċat estiża minn żewġ kilometri għal ħamsa fejn ir-residenti u t-turisti huma projbiti milli jorganizzaw l-attivitajiet rispettivi.
L-aġenzija AirNav Indonesia għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru kkonfermat li kienet qed tagħlaq diversi rotot għall-ajruplani b’kaġun ta’ ‘red alert’ dovut għall-ġmied vulkaniku li għadu qed ibewweġ minn Anak Krakatau.
L-aħħar rapporti qalu li sa 25 titjira kienu affettwati, fosthom titjiriet internazzjonali mill-Indoneżja lejn l-Awstralja u lura, flimkien ma’ titjiriet lejn Singapore u l-Lvant Nofsani.
Għalkemm il-problemi u l-inkonvenjent mistennija jkunu minimi, il-passiġġieri affettwati mis-sitwazzjoni jistgħu jiffaċċjaw il-vjaġġi aktar fit-tul, bl-ajruplani se jieħtieġu aktar fuel minħabba l-hekk-imsejħa ‘diversions’.
Dan meta l-esperti dwar il-vulkani qed jinnutaw iż-żidiet konsistenti fl-attività tal-vulkan Anak Krakatau fejn qed jispikkaw l-iżbroffi qosra, iżda regolari, tal-lava.
Il-vulkan jinsab fil-baħar fis-Stretta ta’ Sunda, bejn Java u Sumatra u waqt li mhux mifhum li fadal in-nies fiz-zona tal-periklu, ir-residenti taz-zoni fuq iż-żewġ naħat tas-Stretta ta’ Sunda huma mwissija biex iżommu ‘il bogħod mill-bajjiet tal-inħawi fost inkwiet dwar tsunami ġodda potenzjali.
Nhar is-Sibt, il-mewġ enormi dovuti għall-attività vulkanika ġarrew l-ibliet mal-kosta fuq il-gżejjer ta’ Sumatra u Java, fejn ħallew talanqas 430 mejtin u b’aktar minn 150 persuna jkunu rappurtati nieqsa.
Inqerdu l-mijiet tal-bini, bit-tsunami jkaxkru l-karozzi u jaqilgħu s-siġar mill-għeruq f’diversi destinazzjonijiet popolari mat-turisti. Talanqas 16,000 qed ikollhom jgħixu bħal refuġjati interni, bl-iskwadri għall-emerġenzi qegħdin jippruvaw jaslu fiz-zoni remoti tal-pajjiż li ġarrbu l-impatt tat-tsunami.
Fil-preżent, eluf ta’ nies qegħdin jgħixu qalb ix-xelters temporanji – inklużi fil-moskej u l-iskejjel – bl-awtoritajiet Indoneżjani jsostnu li l-istat tal-emerġenza attwali għandu jibqa’ effettiv sal-4 ta’ Jannar.
//= $special ?>

