Lokali

RITRATTI: Ġnien li ġie ‘inawgurat’ jibqa’ fi stat ta’ abbandun fil-Floriana

    Il-ġnien tal-Milorda fil-Floriana li b’ħafna pompi ġie inawgurat f’Ottubru li għadda, għadu jinsab fi stat ta’ telqa u abbandun.

    Fit-12 ta’ Ottubru l-Prim Ministru Joseph Muscat permezz ta’ tweet kien ħabbar il-ftuħ ta’ dan l-ispażju miftuħ għal rikreazzjoni ta’ arti moderna. Madankollu l-istat tal-Ġnien baqa’ eżatt kif kien qabel. Tant hu hekk li fil-ftuħ tal-istess spażju, il-passaġġi tant kemm ma kienux tajba għan-nies preżenti li kienu saru passaġġi oħra tal-ħadid.

    Għalkemm hemm l-arti kontemporanja, l-arti u l-monumenti li diġà kien hemm għadhom fi stat ħażin ħafna, bil-ġebel imfarrak u maqsum. Ħajt viċin bir ukoll jinsab imwaqqa’, bil-ġebel tiegħu wkoll imorru fuq passaġġ. It-taraġ ukoll li jagħti għal isfel jinsab fl-istess stat, li huwa ta’ periklu.

    Intant ukoll fl-aħħar is-swar tal-istess Ġnien ta’ Sa Maison qed jiġi restawrat, swar li għalkemm qiegħed isir xogħol tajjeb fuqhom, l-estetika tal-istess swar qed tkun imxekkla bil-bażi marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta.

    Dwar dan it-Torċa kienet irrapurtat li l-Ministru Farrugia qal lill-Kunsill Furjaniż li l-lewn tal-bażi Marittima tal-Forzi Armati ma jistax jinbidel, akkost l-insistenza kontinwa mill-Kunsilliera Nazzjonalisti fil-Floriana. Ġie rrapurtat li l-Ministru kien qal dan ma jistax isir ħabba miżuri ta’ sigurtà. Miżuri li ftit li ingħataw informazzjoni fuqhom.