Lokali

Siġġiewi ta’ 21 sena jitlef ħajtu f’inċident bil-mutur

Nolan Farrugia, żagħżugħ ta’ 21 sena residenti s-Siġġiewi tilef ħajtu wara li spiċċa taħt trakk tal-bulky refuse.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, ftit bogħod mill-uffiċċji tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fi Triq Ħal Qormi, meta kemm il-mutur kif ukoll it-trakk kienu qed jinstaqu fl-istess direzzjoni, lejn Ħal Luqa.

Mal-impatt, il-mutur tat-tip Kymco Agility spiċċa taħt it-trakk, bis-sewwieq tat-trakk tat-tip DAF misjuq minn raġel ta’ 56 sena minn Ħal Għaxaq li ma ndunax b’dak li seħħ u saq għal ftit metri oħra, biż-żagħżugħ maqbud taħtu sakemm eventwalment dan spiċċa taħt il-bankina bla ħajja.

Malli nduna b’dak li seħħ, ix-xufier tat-trakk kien minn tal-ewwel li niżel jagħti l-ewwel għajnuna. Man-naħa l-oħra tat-triq inzertat nieżla wkoll karozza tal-linja, li x-xufier tagħha wkoll waqaf biex jipprova jassisti.

Minkejja dan, sfortunatament ma seta’ jsir xejn biex ikun salvat iż-żagħżugħ, li ġie ċertifikat mejjet fuq il-post. Tant hu hekk li staff mediku mill-Isptar Mater Dei, li ssejjaħ fil-post, assista biss lis-sewwieq tat-trakk li sofra minn xokk.

Fil-post kien hemm ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll il-Pulizija li għalqu t-triq u ddevjaw it-traffiku lejn toroq oħra sabiex issir l-investigazzjoni.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella, li ħatar ukoll diversi esperti biex jassistuh.