Żjara għall-għarrieda fl-Iraq mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump għolliet il-moral tat-truppi Amerikani f’dan il-pajjiż, iżda kien hemm ukoll il-mumenti kontroversjali.
Iż-żjara saret fl-okkażjoni tal-Milied, bi Trump jivvjaġġa lejn il-bażi tal-ajru ta’ al-Asad ( fil-punent ta’ Bagdad) biex jirringrazzja lill-militar Amerikan għas-suċċessi tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroristi tal-ISIS fl-Iraq tul iż-żmien li hu ilu President.
Din kienet l-ewwel żjara ta’ Trump f’zona ta’ gwerra mindu rebaħ il-Presidenza fl-2016 u fejn kien akkumpanjat minn martu, il-First Lady, Melania Trump. Intant, hu u Melania ltaqgħu mas-suldati u pużaw għar-ritratti, bil-President, waqt diskors, itenni li ‘l-Istati Uniti qed tgawdi rispett ġdid bħala potenza dinjija’.
Illum fadal aktar minn 5,000 suldat Amerikan fl-Iraq, bl-aħħar rapporti jirreferu wkoll għal żvilupp kontroversjali fejn ma sarux taħditiet ipprogrammati bejn Donald Trump u l-Prim Ministru Iraqi, Abdel Abdul Mahdi, minħabba ‘differenzi dwar l-organizzazzjoni tal-laqgħa’.
Id-deputati parlamentari Iraqqin qalu li Trump kien talab biex il-laqgħa ssir fil-bażi ta’ al-Asad, iżda l-Prim Ministru Mahdi ma aċċettax.
//= $special ?>

