Sport Waterpolo

Exiles iħabbru ż-żewġ plejers barranin għall-istaġun tas-sajf

(Ritratt tax-xellug: Domenic Aquilina)

Exiles ħabbru lil Milos Vukicevic u Marko Jelaca bħala ż-żewġ barranin tagħhom għall-istaġun tas-sajf li ġej, żewġ għażliet ta’ plejers barranin li diġà lagħbu f’pajjiżna fil-passat. It-tama ta’ Exiles se tkun li jkomplu jtejbu fuq il-progress li sar fl-aħħar snin hekk kif speċjalment fil-kampjonat ta’ din is-sena, Exiles kienu ta’ sfida għal kull tim u saħansitra għelbu lil Neptunes u Sliema.

Vukicevic lagħab ma’ Exiles fil-kampjonat tas-sajf tal-2016 fejn kien l-aqwa skorer tal-klabb matul dak l-istaġun. Hu skorja total ta’ 49 gowl, b’40 gowl minnhom jaslu fit-13-il logħba tal-kampjonat għal medja ta’ tliet gowls kull logħba. Bħalissa Vukicevic jilgħab fil-Kampjonat Taljan A1 ma’ Canottieri Napoli u sa issa skorja 16-il gowl. Vukicevic hu plejer xellugi b’saħħtu li kapaċi jiddefendi l-ballun u juża l-piż favur tiegħu biex jiskorja.

Marko Jelaca li għandu 35 sena, lagħab f’pajjiżna fl-istaġuni tas-sajf tal-2016 u l-2017. Id-differenza mill-istaġun li ġej se jkun li fiż-żewġ esperjenzi tiegħu f’pajjiżna, Jelaca lagħab ma’ Otters fl-Ewwel Diviżjoni. Fl-2016 hu kien skorja 39 gowl fil-kampjonat minn 12-il logħba u żewġ logħbiet f’logħba tan-knock-out u kien spiċċa t-tielet fil-klassifika tal-aqwa skorers. Is-sena l-oħra, Jelaca spiċċa l-aqwa skorer tal-Ewwel Diviżjoni flimkien ma’ Andrija Vlahovic ta’ Marsaskala b’total ta’ 50 gowl fi 12-il logħba.

Bħalissa Jelaca wkoll qed jilgħab fil-Kampjonat Taljan A1 ma’ Ortigia u sa issa skorja 12-il gowl fil-kampjonat. Jelaca li hu twil aktar minn żewġ metri, lagħab fil-Kampjonat Ewropew tas-sajf li għadda f’Barcelona mat-tim nazzjonali ta’ Georgia.

Tags