Knisja Kultura Lokali

“Ġesù Bambin jitwieled fil-Bażilika tal-Mosta”

Presepju mekkanizzat fir-Razzett tal-Markiż

Giovann Muscat ilu għal din l-aħħar sena jibni u jħejji presepju uniku li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi qed jiġi esebit fir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta.

Hekk kif wieħed jilmaħ dan il-presepju mekkanizzat, wieħed jinduna diversi karatteristiċi mill-pajsaġġ Malti u l-ħajja tradizzjonali Maltija.

Fost l-oħrajn, wieħed isib il-bejjiegħ tal-ħaxix fuq il-karettun, il-bagħal tas-sienja, il-kebbies tal-fanali u karettun miġbud minn ħmar tiela’ lejn il-belt tal-Imdina bil-ktieli biex ibiegħ l-inbid. Iżda ebda ħjiel għall-grotta fejn twieled Ġesù Bambin.

Iżda l-ħsieb ta’ Giovann Muscat mar lil hinn mix-xena tradizzjonali u hekk kif kien imnebbaħ mill-għoti tat-titlu ta’ Bażilika lir-Rotunda tal-Mosta, huwa għażel li jwelled lil Ġesù Bambin fil-portiku tal-Bażilika tal-Assunta.

B’hekk, għolja b’diversi xeni titrasforma b’mod mekkaniku f’xena tal-Pjazza tal-Mosta b’mudell tal-Knisja, biswita d-dar tal-Arċipriet u funtana bi 3 persunaġġi marbutin mal-istess Knisja fuqha. Dawn huma Dun Feliċ Calleja, il-moħħ wara l-bini tar-Rotunda, l-arkitett Ġorġ Grognet u Mastru Anġ, il-bennej tal-Knisja.

Wara li tfeġġ ix-xena tan-nattività ta’ Ġesù Bambin, minnufih toħroġ id-dimostrazzjoni tal-Bambin tal-lejl tal-Milied. Il-presepju huwa mill-jablo, il-ġibs u l-kolla filwaqt li l-mekkaniżmu tiegħu isir b’mod mannwali bil-ktajjen tar-roti, muturi u sprockets fost l-oħrajn.

Giovann Muscat ilu għal dawn l-aħħar 10 snin jaħdem presepju f’dan il-kobor wara li kien il-15-il sena jaħdem presepji statiċi żgħar.

Il-presepju jinsab fost diversi presepji esebiti f’wirja mtella’ mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti fl-istess Razzett tal-Markiż, il-Mosta, u li tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 6 ta’ Jannar tas-sena l-ġdida.