Ambjent Internazzjonali

INDONEŻJA: Ir-rinoċeront Java f’periklu jekk jiżbroffa l-vulkan

Fl-Indoneżja fil-ġimgħa li għaddiet kien hemm sensiela ta’ avvenimenti li ħallew ħafna vittmi riżultat tal-eruzzjoni qawwija tal-vulkan Anak Krakatau. L-eruzzjoni kkawżat tsunami li ħalla mijiet kbar ta’ vittmi.

Issa fil-periklu hemm ukoll speċi f’xifer l-estinzjoni ta’ rinoċeront li jinsab biss f’din iz-zona.

Ir-rinoċeront tar-razza Java jinsab biss fil-Park Nazzjonali Ujung Kulon. Jingħad li fadal biss 67 rinoċeront ta’ din l-ispeċi li jinsabu f’zona li qegħda qrib ħafna tal-vulkan u li għaldaqstant jinsabu f’riskju li jinqerdu jekk dan il-vulkan jiżbroffa kif inhu mistenni li jagħmel.

Uffiċċjali issa sabu ruħhom f’ġirja kontra l-ħin sabiex jippruvaw imexxu lill dawn ir-rinoċeronti ‘l bogħod minn din iż-żona.