Internazzjonali

Ir-Russja tikkonkludi l-bini tal-ħajt tal-Krimea

Ir-Russja kkonkludiet il-bini tal-ħajt tas-sigurtà (fuq bażi high-tech) tul il-fruntiera tal-Krimea mal-art tal-Ukrajna.

Il-ħajt – twil aktar minn 60 kilometru – jinkorpora l-barbed wire u mijiet ta’ sensors, bl-aġenzija tas-sigurtà Russa, FSB, tgħid li l-ħidma involuta kienet neċessarja biex tilqa’ ‘għall-infiltrazzjoni ta’ nies bl-intenzjoni li jwettqu sabutaġġ’.

Il-qawwiet tar-Russja, f’Marzu tal-2014, kienu ħatfu l-peniżola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqduha mat-territorju Russu. Il-maġġoranza tar-residenti fil-Krimea jitkellmu bir-Russu u l-ħtif tat-territorju kien qanqal kundanna sħiħa mill-komunità internazzjonali.

Il-ħajt ‘ġdid’ jgħaddi mill-art li tgħaqqad il-Krimea mar-reġjun Ukren ta’ Kherson.

Min-naħa tagħha, l-Ukrajna wkoll tellgħet il-ħitan mal-fruntiera tagħha wara l-ħtif tal-Krimea mir-Russja u wara li żbruffaw l-azzjonijiet ostili minn separatisti armati favur Moska fl-artijiet Ukreni tal-Lvant.