Internazzjonali

Is-Sirja: Qawwiet tal-Gvern jidħlu f’Manbij fost theddida mit-Turkija

Il-qawwiet favur il-Gvern Sirjan daħlu fil-belt ewlenija ta’ Manbij, lejn it-Tramuntana tal-pajjiż, għall-ewwel darba f’sitt snin. L-aħħar żvilupp seħħ wara li l-milizji Kurdi li kienu f’kontroll taz-zona rtiraw u ‘stiednu’ lill-qawwiet Sirjani biex jieħdu Manbij f’idejhom — fost l-inkwiet dwar xi offensiva ġdida mill-mitar tat-Turkija.

It-Tmexxija Torka tikkunsidra lill-milizji Kurdi tal-YPG bħala parti minn moviment terroristiku u l-irtirar tal-milizji mill-inħawi ta’ Manbij segwa l-aħbar li l-Istati Uniti qed tħejji biex toħroġ lit-truppi tagħha kollha mis-Sirja.

L-aħbar dwar l-irtirar tal-2,000 suldat Amerikan ingħatat jiem ilu mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li qal ukoll li t-terroristi tal-ISIS (fis-Sirja) kienu sfaw megħluba. Intant, alleati importanti qed jikkuntestaw il-pożizzjoni ta’ Trump u jsostnu li l-irtirar tal-militar Amerikan mis-Sirja kapaċi anki ‘jistimola l-qawmien tal-ISIS’ fit-territorju.

Il-belt ta’ Manbij għandha importanza strateġika u l-ġellieda Kurdi, li ilhom appoġġjati mill-Istati Uniti u li mexxew il-ġlieda kontra l-ISIS, qed iqisu d-deċiżjoni ta’ Trump biex joħroġ lis-suldati tiegħu mis-Sirja bħala ‘tradiment’.

Issa, il-mexxejja Kurdi qegħdin jittamaw li l-preżenza tal-Armata Sirjana (li għandha l-appoġġ tar-Russja u s-Sirja) f’Manbij għandha żżomm lura xi attakk potenzjali mill-Armata tat-Turkija.

It-tensjoni fir-reġjun partikulari żdiedet fl-aħħar ġimgħat u l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, ma żammx lura mit-theddid dwar offensiva ġdida kontra l-Kurdi. Dan meta t-Turkija, mill-2016 ‘il hawn, ħadet azzjonijiet (militari) simili fir-rigward tal-Kurdi fis-Sirja.