Kultura Lokali

Spettaklu mill-aqwa żeffiena Ċiniżi tal-ballet f’Dar il-Mediterran

Erbgħin żeffien u żeffiena mill-Guangzhou Ballet waslu Malta l-Ġimgħa filgħodu sabiex itellgħu spettaklu ta’ ballet u żfin tradizzjonali Ċiniż, bl-isem ta’ Ballet Poetry, nhar il-Ħadd li ġej.

Iċ-Ċermen ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, Kenneth Spiteri, elabora magħna dwar l-għażla ta’ dan il-kontinġent Ċiniż fost l-aktar rinomat f’pajjiżhom:

“Aħna għandna l-pjaċir li ħa jkollna l-Guangzhou Ballet, minn Guagzhou. Aħna stidiniehom bħala parti mit-3 attivitajiet li għamilna hawnhekk id-Dar il-Mediterran. Dawn huma kontinġent professjonali ħafna, għandhom kumpanija taż-żfin. Huma wieħed mill-kumpaniji tal-ballet l-aktar rinomati fiċ-Ċina.”

Fl-ispettaklu tal-Ħadd, li mistenni jibda fis-7.30pm, għandhom korjografiji mħejjija ma’ selezzjoni mill-Carmina Burana ta’ Carl Orff, żewġ żifniet mill-Flames of Paris ta’ Boris Asafjev, u silta mill-opra Giselle ta’ Adolphe Adam. Magħhom ħejjew diversi żifniet tradizzjonali miċ-Ċina bħall-Butterfly Lovers u ż-żifna ballet Ċiniża, Natural Melody.

Guangzhou Ballet, li twaqqfet fl-1993 biex twassal korjografiji kemm mill-ballet klassiku dinji u kif ukol dak kontemporanju, tellgħet spettakli f’aktar minn 20 pajjiż, fosthom  ir-Russja, l-Awstralja u l-Istati Uniti.

Id-Direttur tal-Iskola, Zou Gang, f’konferenza stampa li nżammet f’Dar il-Mediterran, qal li t-truppa hija ħerqana li tiżfen f’pajjiżna u l-ispettaklu se jservihom ta’ opportunità biex jesponu l-kultura u l-arti Ċiniża f’Malta.

Intant, bħala parti mill-programm kulturali tal-Valletta18, it-truppa se toffri ukoll masterclass is-Sibt filgħodu għal 70 parteċipant Malti.