Internazzjonali

Spjegazzjoni ċara dwar ‘l-aljeni fuq New York’

Id-dehra tas-sema mdawwla bil-blu – daqslikieku xena tal-fantaxjenza – fuq il-belt ta’ New York matul il-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa ma kinitx dovuta għal xi invażjoni tal-Istati Uniti mill-aljeni…. Dan meta waslu għal dik il-konklużjoni numru ta’ nies li esprimew it-tħassib tagħhom fuq il-midja soċjali.

Fil-fatt, il-‘Baħar ta’ Blu’ spettakolari fuq inħawi bħall-East River kellu jseħħ għas-sempliċi raġuni li kien sploda transformer ġo power station lokali.

Ir-riżultat ta’ dan kien li numru kbir ta’ nies li daħlu fuq Twitter u Facebook semmew diversi possibbiltajiet, mhux l-anqas ‘il-każ tal-aljeni’ – b’uħud jistaqsu wkoll jekk id-dwal blu straordinarji għal dak il-ħin setgħux kienu qed jindikaw xi ħaġa sopranaturali.

Intant, id-Dipartiment tal-Pulizija fi New York ma damx biex bagħat messaġġ fuq Twitter biex jaċċerta lill-pubbliku li l-ispjegazzjoni kienet bil-wisq anqas drammatika minn hekk u li kollox kien dovut għall-isplużjoni f’dik il-power station partikolari fil-borough ta’ Queens.