Internazzjonali

Trump jhedded li jagħlaq il-fruntiera mal-Messiku

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħareġ bit-theddida li jagħlaq il-fruntiera mal-Messiku f’każ li l-Kungress ta’ Washington ma japprovax il-fondi meħtieġa għall-bini tal-ħajt kontroversjali ma’ dak il-pajjiż.

Trump jinsisti li dan il-ħajt hu l-aħjar miżura għall-kontroll tal-immigrazzjoni illegali u issa — wara kważi ġimgħa ta’ staġnar dwar il-baġit federali — hu bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li ‘il-ħajt irid jinbena inkella l-fruntiera ( mal-Messiku) għandha tingħalaq’.

Kelliema għall-White House, filwaqt li kkonfermaw li ‘din hi theddida ġenwina’,qalu wkoll li n-negozjati mal-Kungress jinsabu staġnati meta l-kwistjoni wasslet għall-paraliżi (‘shutdown’) tal-Gvern.

Mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema federali jinsabu fuq btajjel sfurzati inkella qegħdin ikomplu bil-ħidma ta’ kuljum mingħajr ħjiel dwar meta huma se jitħallsu.