Żagħżugħ ta’ 29 sena li kien qed jagħmel xi xogħol ta’ kostruzzjoni f’residenza privata sofra ġrieħi serji wara li waqa’ l-ġebel fuqu. Raġel ieħor li kien qed jakkumpanjah, u li għandu 30 sena, ukoll safa’ ferut.
L-inċident seħħ ftit qabel nofsinhar, meta ż-żewġt irġiel minn Ħal Qormi kienu taħt il-gallarija tar-residenza li tinsab fi Triq Andre Bogdan, f’Ħaż-Żebbuġ.
Mill-ewwel investigazzjoni jirriżulta li għal xi raġuni construction shoot li jintuża biex il-ġebel jitniżżel fl-iskip li kien hemm taħt il-bankina u li kien imqabbad mal-gallarija, inqala’.
Dan bil-konsegwenza li niżlet xita ta’ ġebel fuq iż-żewġt irġiel. Fil-post intbagħat tim mediku mill-Isptar Mater Dei, li ħadhom għall-kura fejn jirriżulta li ż-żagħżugħ sofra ġrieħi serji f’rasu u jinsab fil-periklu tal-mewt. Il-kundizzjoni tar-raġel l-ieħor għad mhix magħrufa.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Francesco Depasquale.
//= $special ?>