Ir-residenti ta’ San Ġwann jinsabu urtati bl-istat diżastruż li jinsab fih Ġnien Karin Grech, ġnien li l-Kunsill Lokali ilu ħafna jixtieq li jkun spazju miftuħ biex jitgawda mir-residenti. Minħabba li ma kienet qed issir l-ebda manutenzjoni f’din iż-żona rikreattiva, il-Kunsill Lokali kellu jieħu deċiżjoni drastika u jneħħi l-bandli mill-post peress li kienu qed ikunu ta’ periklu.
Sfortunatament pero’ l-Gvern Laburista qed ikaxkar saqajh, u mhux qed jgħid jekk il-proġett ippjanat mill-Gvern, u li saħansitra għalih kienu diġa’ ħarġu l-permessi, hux se jsir jew le. Is-Sindku ta’ San Ġwann Etienne Bonello Dupuis qal li r-residenti ta’ San Ġwann ma jistgħux jinżammu aktar fl-għama dwar dan il-proġett li ilu jiġi ippjanat sa mill-2012.
Dan il-ġnien jinsab biswit il-klabb tal-boċċi ta’ San Ġwann. Fl-2012, il-pjan oriġinali tal-Ministeru li dak iż-żmien kien immexxi minn George Pullicino kellu l-iskop li l-klabb tal-boċċi jkollu binja ġdida u iktar moderna fil-periferija ta’ San Ġwann. Minkejja dan iżda, kawża ta’ wegħdi li saru mal-bidla fl-amministrazzjoni, il-klabb tal-boċċi baqa’ fejn kien bil-konsegwenza li l-ispazju rikreattiv ippjanat għall-ġnien kien se jkun limitat ħafna.
Il-Kunsill Lokali pero’ baqa’ determinat li jiżviluppa Ġnien Karin Grech f’żona ta’ rikreazzjoni kif ukoll, grazzi għall-mod kif inhi t-triq, fi proġett li jkun jinkludi l-binja tal-Kunsill u spazju għall-esebizzjonijiet. F’Jannar tal-2017 ħareġ saħansitra l-permess minn naħa tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, pero’ mill-elezzjoni ta’ Ġunju 2017, ma sar xejn aktar.
Is-Sindku stqarr li l-Kunsill Lokali baqa’ u se jibqa’ jinsisti biex jingħata tweġiba dwar jekk dan il-proġett hux se jsir jew le. Fi kliem is-sindku stess, il-Kunsill Lokali kollu huwa magħqud favur dan il-proġett u lest li jagħmlu hu jekk il-gvern jibqa’ ma jiċċaqlaqx.
//= $special ?>