Il-Ministeru tal-Intern fl-Eġittu qal li l-pulizija tiegħu qatlu madwar 40 militanti waqt rejds fuq il-moħbiet ta’ dawn l-elementi aggressivi. Ir-rejds segwew attakk qattiel bl-isplussivi fuq xarabank tat-turisti li kien seħħ fl-inħawi ta’ Giza matul il-lejl tal-Ġimgħa — bl-awtoritajiet Eġizzjani jsostnu li l-militanti fil-mira kienu qed jippjanaw sensiela ta’ attakki fuq siti turistiċi, knejjes u membri tas-sigurtà fil-pajjiż.
L-offensiva fuq il-militanti konċentrat fuq l-inħawi ta’ Giza u t-Tramuntana tas-Sinaj. Intant, l-ebda grupp ma assuma responsabbiltà għall-bomba fit-triq li kaġunat ħsarat kbar fl-imsemmi xarabank li kien għaddej mid-distrett ta’ Haram (qrib iz-zona tal-famużi piramidi) f’Giza.
Fl-isplużjoni mietu tliet turisti mill-Vjetnam u l-gwida tat-tours Eġizzjan, bl-azzjoni żżid ma’ attakki oħrajn, ftit jew wisq simili, li seħħew fuq it-turisti fl-Eġittu fil-passat. Ix-xarabank kien qed iġorr 14-il turist mill-Vjetnam, bi ħdax-il persuna jisfaw feruti fl-attakk li kien l-ewwel wieħed li affettwa direttament lil turisti barranin fl-Eġittu għal aktar minn sena.
L-aħħar rapporti qalu li 30 fost il-militanti maqtula nqabdu f’inħawi ta’ Giza waqt li ‘l-għaxra l-oħra’ inqatlu f’El Arish, li hu l-kapitali tal-provinċja tat-Tramuntana tas-Sinaj.
Stqarrija mill-Ministeru tal-Intern sostniet li ‘grupp ta’ terroristi kienu qed jippjanaw attakki vjolenti fuq istituzzjonijiet tal-Istat, fosthom zoni popolari mat-turisti kif ukoll siti ta’ devozzjoni għall-Kristjani’. Mifhum li waqt ir-rejds, il-pulizija ħatfu materjal għall-produzzjoni ta’ bombi; ammont ta’ munizzjon u numru sostanzjali ta’ armi.
Il-livell attwali tas-sigurtà fl-Eġittu hu għoli meta l-istaġun tat-turisti jinsab fl-aktar żmien attiv u meta l-minoranza tal-Kristjani Kopti qed tħejji biex tiċċelebra l-Milied għall-Ortodossi, fis-7 ta’ Jannar li ġej.
//= $special ?>

