Kunsilli Lokali Lokali

Is-Sindku tar-Rabat imwarrab mill-Partit Laburista – “Ittradut … minfloki l-opportunisti”

Is-Sindku tar-Rabat (Malta) Charles Azzopardi kien rifjutat mill-Partit Laburista biex issa mhux se jkun jista’ jikkontesta l-elezzjoni li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Azzopardi, li fl-elezzjoni tal-2013 kien elett mill-ewwel b’2,267 vot fl-Ewwel Għadd, fuq il-midja soċjali esprima ruħu tradut għall-mod kif aġixxa miegħu l-Partit Laburista, partit li fi kliemu ħadem għalih “ħafna snin qabel mal-bieb infetaħ beraħ biex minnu jidħlu l-opportunisti. Snin twal qabel mal-Partit sar moviment.”

Iddikjara li llum-il ġurnata anke d-daqq tal-innu tal-partit m’għadux isir kif kien qabel. “Qabel kien jindaqq mingħajr mistħija u jħallik temmen fis-suldati tal-azzar,” stqarr Azzopardi.

Waqt li ddeskriva l-aħħar żmien bħala “sitt xhur ta’ kalvarju,” Azzopardi qal li lilu għamlulu eżatt bħal “Ġesù Kristu, li wellidna tlett ijiem ilu. Jien ukoll wellidt maġġoranza Laburista fl-2003 u poġġewni għal darba darbtejn, tlieta l-ħaruf tas-saġrifiċċju. Ċaħduni tliet darbiet – bħalu spiċċajt tliet darbiet taħt is-salib u baqgħu sakemm salbuni. X’umilta’-xi ħlewwa-x’sarkażmu.”

Fl-ittra mibgħuta lilu mill-Partit Laburista, Azzopardi saħansitra jkun imwissi biex jimxi mal-kodiċi ta’ etika tal-Partit u d-direttivi tiegħu.

Id-dikjarazzjoni tiegħu fuq Facebook intlaqgħet b’rabja minn persuni li ddikjaraw li huma Laburisti iżda li l-partit tagħhom warrabhom. Fost dawn persuna li ddikjarat li m’għadiex Laburista wara li kellha tħalli pajjiżna għax meta ġiet bżonn ix-xogħol sabet min jagħlqilha l-bieb f’wiċċha.

“Il-Partit Laburista li qabel kien il-partit taż-żgħir u l-fqir, illum sar il-partit tal-ġib ‘l hawn u tiħux ‘l hemm,” tiddikjara din il-persuna.