Internazzjonali

Jikkonfermaw is-sejba ta’ qabar tal-massa għall-Kristjani fil-Libja

L-awtoritajiet fil-Libja konfermaw l-eżistenza ta’ qabar tal-massa bil-katavri ta’ 34 Kristjan mill-Etjopja li kienu sfaw maqtula mit-terroristi tal-ISIS fl-artijiet Libjani.

Ingħad li dan il-qabar instab f’lejliet il-Milied u l-Ministeru Libjan għall-Intern sostna li l-katavri tal-vittmi kienu nħbew, snin ilu, ġo razzett qrib il-belt ta’ Sirte, maġenb il-kosta u lejn ix-xlokk ta’ Misrata.

Intant, is-sorsi tal-aħbarijiet Libjani referew ukoll għall-filmat ta’ propaganda li kien iċċirkolat f’April tal-2015 u li fih dehru membri tal-ISIS qegħdin joqtlu u jbiċċru lill-Kristjani Etjopjani ( li kienu lebsin il-jumpsuits oranġjo) fuq bajja.
Il-Kristjani kienu marru fil-Libja bħala emigranti bil-għan li jsibu x-xogħol.

Il-koalizzjoni internazzjonali involuta fit-taqbida mal-ISIS kienet ħadet lura l-kontroll ta’ Sirte, f’Diċembru tal-2016.