L-Awstralja neħħiet iċ-ċittadinanza Awstraljana ta’ ġiħadista (militanti Iżlamiku) prolifiku, bil-Ministeru Awstraljan għall-Intern, Peter Dutton, jgħid li l-pass ittieħed fil-konfront ta’ ‘individwu perikoluż għall-aħħar’.
Il-ġiħadista, Neil Prakash, twieled f’Melbourne u kien jirrekluta terroristi għal mal-grupp ISIS filwaqt li inkoraġġixxa kumplotti għal terroriżmu fl-artijiet Awstraljani. Prakash, fil-preżent, qed jinżamm fit-Turkija fejn qiegħed jiffaċċja proċess tal-qorti għal akkużi relatati mat-terrur.
F’Lulju, qorti Torka kienet iddeċidiet biex ma testradihx lejn l-Awstralja bil-għan li hu jkun ipproċessat dwar akkużi ta’ terrur f’pajjiżu proprju.
L-Awstraljani qed jakkużaw lil Prakash bħala membru ta’ grupp terroristiku u ‘promotur tal-ISIS’. Intant, il-Ministru Dutton qal li Prakash kien strumentali fl-isforzi tal-ISIS fil-Lvant Nofsani ‘u li hu (Prakash) mhux se jitlef opportunità biex joqtol ċittadini Awstraljani’.
Dutton żied, f’dan il-punt, li ‘it-tneħħija taċ-ċittadinanza ta’ Prakash saret fl-aħjar interessi tas-sigurtà għall poplu tal-Awstralja’.
//= $special ?>

