Lokali

Numru ta’ Sudaniżi jagħmlu appell għall-paċi fil-Belt Valletta

Appell lill-Gvern Malti u lill-Unjoni Ewropea biex jitkellmu dwar dak li qed jiġri fis-Sudan hekk kif numru ta’ Sudaniżi ħonqu d-daħla tal-Parlament fil-Belt Valletta f’dimostrazzjoni relatata ma’ dak li għaddej f’pajjiżjom.

“Irridu d-drittijiet, fosthom dak li ngħixu” intqal min-numru ta’ kelliema li matul id-dimostrazzjoni tas-Sibt tkellmu fuq kif il-libertà tal-espressjoni li qed tiġi mxekkla fis-Sudan.

Appell li jasal wara li fl-aħħar sigħat, membri tal-forzi tas-sigurtà fis-Sudan arrestaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni fil-pajjiż u li ħadd ma jaf x’sar minnu.

Ġew arresati wkoll poeta prominenti fil-pajjiż u żewġ impjegati ta’ ġurnali lokali, ftit ħin biss wara li huma wkoll ipparteċipaw fid-dimostrazzjonijiet. Dan b’ritaljazzjoni u bħala parti minn miżuri biex jitrażżnu l-protesti f’diversi bliet kontra l-gvern attwali.

Protesti li ilhom għaddejjin mid-19 ta’ dan ix-xahar fi ġlieda kontra l-ogħli tal-ħajja u li eventwalment daru fi protesti kontra l-President Omar al-Bashir li ilu fil-poter sa mill-1989.

Fost l-iktar miżuri li rrabjaw lis-Sudaniżi kien hemm iż-żieda riċenti fil-prezz tal-ħobż, li fil-pajjiż kull ma jmur qiegħed jogħla bla preċident. Sitwazzjoni li qed twassal biex dawk l-iktar fqar fis-Sudan ikomplu jifqaru.

Fid-dawl ta’ dan, f’pajjiżna l-komunità Sudaniża wasslet messaġġ għal-libertà u għall-paċi, b’dawk preżenti tkellmu fuq in-nuqqas ta’ edukazzjoni li hemm f’dan il-pajjiż Afrikan, mediċina li hija essenzjali u li ma ssibhiex fil-pajjiż kif ukoll munita li qed titlef il-valur u nuqqas ta’ fjuwil.

S’issa l-Gvern ħabbar il-mewt ta’ 19-il persuna f’konfronti mal-Pulizija. Madankollu Amnesty International iddikjarat li ċ-ċifra reali hi kważi d-doppju, bin-Nazzjonijiet Uniti li l-Ġimgħa appellat lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jinvestigaw.