Lokali

Solidarjeta’ konkreta u mhux bil-kliem biss

Għal darb’oħra appell mill-Isqfijiet Maltin rigward il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran; appell biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti u jitwettaq fil-prattika d-diskors sabiħ favur l-imħabba u l-għajnuna lejn dawk l-aktar vulnerabbli.

Din l-istqarrija iffirmata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech u mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, tagħmel referenza b’mod partikolari għall-iżviluppi tal-aħħar jiem marbuta mal-bastiment Sea Watch 3 u tappella lill-pajjiżi Ewropej toffri kenn u assistenza lil dawn il-persuni maqbuda bejn sema u ilma.

L-Isqfijiet jirrikonoxxu u jfaħħru l-ħidma tal-awtoritajiet Maltin fir-rigward tas-salvataġġ tal-omm u t-tarbija tat-twelid li kienu salvati mil-Forzi Armati Maltin, filwaqt li jtennu li wieħed ma jistax jinjora l-kumplessita’ u d-delikatezza marbuta mal-problema tal-immigrazzjoni.

Huwa għalhekk li għal darb’oħra għandna l-appell għal aktar solidarjeta’ internazzjonali, għaliex ma jiswa xejn li nifirħu u niċċelebraw it-twelid tat-tarbija Ġesu’ pero’ imbagħad ninjoraw lill-bnedmin ħutna li jinsabu mitluqa f’nofs ta’ baħar jissieltu għal ħajjithom. L-istqarrija ttemm bl-isqfijiet jawguraw li fis-sena l-ġdida jsiru għażliet kuraġġużi favur il-ħajja u jkun hemm turija ta’ solidarjeta’ b’azzjoni konkreta, u mhux biss bil-kliem jew bil-flus.