“Żagħżugħ ferrieħi li dejjem bid-daħqa fuq wiċċu, li dejjem għamel li seta’ biex ikun ta’ għajnuna lejn ħaddieħor”.
Hekk ġie deskritt iż-żagħżugħ Nolan Farrugia f’quddiesa tal-aħħar tislima lill-istess żagħżugħ mis-Siġġiewi. Dan wara li nhar il-Ħamis li għadda, Nolan kien involut f’inċident tat-traffiku bil-mutur tiegħu hekk kif kien sejjer lejn ix-xogħol.
Bil-knisja Arċipretali tal-lokal miżgħuda bin-nies, l-ilwien differenti li spikkaw tan-nies preżenti biex jirreflettu l-ferħ li Nolan kien jagħti lil ta’ madwaru Dun Chris Ellul xebbah lil Nolan ma’ warda. Warda li ssebbaħ kull fejn tmur, warda ta’ fidi, warda li sfortunament inqatgħet qabel iż-żmien.
Dun Ellul, li ħadem fl-aħħar snin miegħu fil-grupp tal-abbatini u anki dak taż-żgħażagħ qal li Nolan għarraf lil Alla, u fittex dejjem li f’għemilu jkun tajjeb.
Tul l-omelija, hu ta tliet affarjiet li jfakkru lil Nolan u tkellem dwar dak li għamel u kiseb fil-ħajja. Dun Ellul qal li Nolan kien bniedem kalm, li bil-kalmezza tiegħu fittex li jagħraf u jisma’ lil dak li jkun. Nolan kien ukoll ħabib, li fittex li anki jgħix it-tbatija mal-kumplament u mhux biss ikun hemm fit-tajjeb.
L-aħħar u mhux l-anqas il-ħaġa li Nolan żgur se jibqa’ mfakkar hija t-tbissima tiegħu, u Nolan f’ħajtu wera l-importanza tat-tbissima fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
//= $special ?>