Futbol Sport

Barcelona jiċħdu rapporti li kellmu lil Rabiot b’mod illegali

Barcelona ċaħdu li għamlu kuntatt illegali biex jakkwistaw lill-midfielder ta’ PSG Adrien Rabiot, iżda kkonfermaw li huma interessati fil-plejer. Il-kuntratt tal-plejer ta’ 23 sena jintemm fi tmiem l-istaġun u minn għada jista’ jitkellem ma’ klabbs oħra biex jingħaqad magħhom l-istaġun li ġej.

Skont rapporti fil-media internazzjonali, il-klabb Spanjol kien f’kuntatt mal-plejer permezz tar-rappreżentanti tiegħu. Iżda jekk seħħ hekk ikunu nkisru r-regoli tat-trasferiment, għalhekk Barcelona ċaħdu l-aħbar.

Fi stqarrija ċ-champions Spanjoli saħqu li l-uniċi kuntatti saru fl-aħħar ta’ Awwissu u ġimgħa ilu. Huma żiedu li l-uniċi kuntatt saru mad-diretturi sportivi ta’ PSG u żiedu li huma bħala klabb dejjem riedu jaħdmu bl-ogħla livell ta’ trasparenza ma’ PSG u ma’ kull klabb ieħor.

Rabiot riċentament ra r-relazzjoni tiegħu ma’ PSG tmur għall-agħar, bid-direttur sportiv tal-klabb Antero Henrique jgħid lil Yahoo Sport France li mhux se jilgħab maċ-champions Franċiżi sakemm jiffirma kuntratt ġdid.