Filwaqt li t-Tlieta Malta ingħaqdet mal-kumplament tad-dinja fiċ-ċelebrazzjonijiet qaddisa tal-Milied li jfakkru t-twelid ta’ Kristu elfejn sena ilu, paradossalment f’pajjiżna hawn min qiegħed jissokta bit-tħejjijiet tiegħu biex fil-gżejjer Maltin – matul din il-leġislatura – jiddaħħal formalment l-abort… il-qtil tat-trabi fil-ġuf tal-omm.
Kastilja hi fuq quddiemnett fl-imbottatura għad-dħul tal-abort fil-pajjiż u dak li qed isir bħalissa hu l-pedament biex darba jkun uffiċjalment varat il-ħsieb tal-Gvern, allura kollox ikun qiegħed f’postu ħalli l-abort ikun legalizzat f’pajjiżna.
Hemm l-intenzjoni li l-Abbozz ta’ Liġi għad-dħul tal-Abort f’pajjiżna jkun ristrett għal ċerti sitwazzjonijiet biss. Madankollu tali logħob bil-kliem ikun ifisser li pajjiżna jkun fetaħ it-tieqa biex l-abort ikun legalizzat fil-pajjiż.
Fl-aħħar jiem kien hemm ukoll elementi fi ħdan il-grupp Occupy Justice li ddikjaraw li huma favur l-abort u se jkunu qed jappoġġjaw l-idea li l-abort jiddaħħal f’pajjiżna.
Il-Gvern, minkejja li jaf li ma għandu l-ebda mandat mill-poplu biex idaħħal l-abort f’pajjiżna, jidher li hu determinat li tali Abbozz ta’ Liġi jitressaq għall-Ewwel Qari fil-Parlament matul din il-leġislatura stess.
Direttament jorbot ma’ dan id-diskors, hemm fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla l-ħatra ta’ President ta’ Malta.
Kastilja trid tagħmilha ċerta li l-persuna li tkun tokkupa tali kariga fil-pajjiż ma jkollha l-ebda diffikultà biex tiffirma tali Abbozz ta’ Liġi biex finalment jimmaterjalizza ruħu bħala Liġi.
Mill-aħħar żviluppi dwar dan jidher li Kastilja qed tirritorna għall-pjan oriġinali tagħha – ċioè dak li f’din il-kariga jinħatar Evarist Bartolo li attwalment jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Edukazzjoni.
Għal mument, u dan kien rapportat ukoll minn din il-gazzetta, Kastilja kienet dawret ħarsitha fuq Helena Dalli li diġà kienet ipprestat lilha nnifisha bħala li ma toġġezzjonax għal kull forma ta’ abort.
Madankollu kemm-il darba Evarist Bartolo, bħala liberali, jagħti l-kelma tiegħu lil Kastilja li għal ċerti sitwazzjonijiet dwar id-dħul tal-abort hu lest li jikkollabora u jiffirma, allura l-għażla ta’ Kastilja taqa’ mill-ġdid fuqu.
Għaliex kollox jindika wkoll li fir-rigward tal-Ministru Helena Dalli l-pjani ta’ Kastilja huma li din tkun appuntata bħala l-eventwali Kummissarju Malti fl-Unjoni Ewropea.
B’dawn iż-żewġ ċaqliqiet ta’ Ministri mill-Kabinett, Kastilja mbagħad tista’ ddaħħal fis-seħħ il-pjan tagħha ta’ aktar movimenti u spustamenti fl-istess Kabinett b’Membri Parlamentari Laburisti qrib Joseph Muscat allura jkunu imbottati biex jingħataw kariga Ministerjali.
Mhux bilfors min jiddaħħal ġdid fil-Kabinett se jkun qed jimla’ l-postiijet battala minn Evarist Bartolo u Helena Dalli. Il-musical chairs fost il-Ministri eżistenti jista’ jkun wieħed qawwi.
Min tkellem ma’ il-mument qalilna li faċilment li l-Ministru Michael Farrugia jieħu post Helena Dalli biex postu fl-Intern jingħata lill-Avukat/Konsulent Robert Abela.
Ingħadilna wkoll li faċilment il-Ministru Carmelo Abela jieħu post Evarist Bartolo biex postu fl-Affarijiet Barranin jingħata lil Edward Zammit Lewis.
Ċaqlieq possibbli ieħor li jista’ jsir fil-Kabinett eżistenti hu li l-Ministru Josè Herrera, li hu responsabbli mill-ambjent, ma jibqax f’dan id-dekasteru biex ma jkunx hu li jippilota l-proġett ta’ €450,000,000 li jikkonċerna l-inċineratur il-ġdid. Tali proġett faċilment se jkun qed jgħaddi għand xi ħadd bħal Konrad Mizzi biex jiġġestixxi hu dan l-investiment massiċċ.
Kif diġà rapportat minn il-mument fil-ġimgħat li għaddew, il-qasma fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat hi ċara u dak li Kastilja trid tagħmel fiċ-ċaqlieq li qed tħejji hu li ma ssaħħaħx il-pożizzjoni tal-Viċi Prim Ministru Chris Fearne.
Kastilja hi determinata li xi persuni fil-Kabinett – anki fil-livell ta’ Segretarji Parlamentari – ma jibqgħux fis-seħħ. Madankollu kull ċaqlieq irid isir b’kawtela kbira minħabba l-qasma diġà evidenti bejn ta’ Kastilja u ta’ Fearne.
L-intenzjonijiet ta’ Kastilja dwar id-dħul tal-abort jidher li se jiskattaw billi l-Gvern iniedi referendum dwar tali introduzzjoni. Dan diġà kien żvelat minn il-mument ħmistax ilu u sal-lum ma saret l-ebda ċaħda, sia jekk uffiċjalment u sia jekk mhux uffiċjali.
Min tkellem ma’ il-mument insista magħna li l-pjani ta’ Kastilja mhumiex daqstant fit-tul biex fil-pajjiż jiddaħħlu numru ta’ raġunijiet li jagħmluha possibbli li jsir l-abort fi spartijiet liċenzjati għal dan l-iskop.
Fil-fatt, Kastilja diġà mbarkat fuq numru ta’ diskussjonijiet kif se jitwassal dan il-ħsieb fis-soċjetà Maltija u Għawdxija… anki jekk il-Gvern jista’ jkun akkużat li f’din il-leġislatura ma għandux il-mandat biex idaħħal tali liġi favur ċerti raġunijiet li jagħmlu l-abort permissibbli.
Sadattant fi stqarrija fuq Facebook Occupy Justice ma ċaħdux li membri tagħhom huma favur l-abort imma qalu biss li bħala pressure group huma se jiffokaw fuq il-korruzzjoni u issa dwar il-vjolenza domestika wkoll. Fl-istqarrija Occupy Justice attakkaw lill-ġurnalisti u edituri ta’ il-mument.
//= $special ?>