Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jinsisti biex il-Maltin u l-Għawdxin igawdu l-aqwa użu għall-art pubblika li l-Gvern irid ibigħ lill-Grupp Corinthia f’San Ġiljan. U jekk il-Gvern jinsisti li jbigħ, il-Partit Nazzjonalista se jinsisti li l-poplu Malti jgawdi l-aqwa valur.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, f’intervista dalgħodu fuq Net FM li fiha rringrazzja wkoll lill-ħafna Maltin u Għawdxin li wrew solidarjetà miegħu fl-aħħar ġranet.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lill-Grupp Corinthia għas-suċċessi li għamel għat-turiżmu lejn Malta fl-għexieren ta’ snin li għaddew. Min-naħa l-oħra hu qal li l-Gvern qed juri inkompetenza u arroganza meta, wara snin sħaħ itella’ u jniżżel, ippretenda li fi ftit jiem u ġo nofs il-festi tal-Milied il-Parlament japprova l-bejgħ ta’ art pubblika li l-Grupp Cortinthia diġà jgawdi b’ċens għal skop ta’ turiżmu. Dan l-iskop issa se jinbidel għal wieħed ta’ bejgħ ta’ propjetà.
Adrian Delia qal li hu talab li ssir preżentazzjoni lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista mill-Grupp Corinthia biex l-Oppożizzjoni tkun infurmata sew. Il-fatti issa juru ċar li l-Gvern innegozja ħażin u ma tax valur tajjeb lill-art pubblika li se jbigħ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għall-Oppożizzjoni mhuwiex aċċettabbli li art pubblika li kienet b’ċens favur it-turiżmu lejn Malta issa tinbiegħ għal skopijiet ta’ real estate, agħar u agħar meta mhux jingħata l-valur tajjeb tagħha lill-poplu Malti u Għawdxi li hu sidha.
“Qatt ma nistgħu naqblu li art pubblika tingħata lil xi ħadd direttament mingħajr l-aqwa prezz, speċjalment għal real estate, jiġifieri b’bejgħ biex ikunu żviluppati appartamenti,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li insista li l-Oppożizzjoni se tagħmel dak li l-Gvern naqas li jagħmel billi se tipproteġi dak li hu tal-poplu, l-interessi u l-propjetà tal-Maltin u l-Għawdxin.
Mistoqsi dwar il-kawża ta’ separazzjoni ma’ martu, Adrian Delia qal li kulħadd jista’ jgħaddi minn problemi matrimonjali. Dawn huma materja personali, qal Adrian Delia li insista, madankollu, li m’għandux ikun hemm nies li japprofittaw ruħhom minn ċirkostanzi personali biex jagħmlu kapital politiku u biex jattakkaw il-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista. Hu sejjaħ dawn l-attentati ‘meskini’ u qal li se jara min hemm warajhom u, jekk hemm bżonn jieħu passi, jieħu passi. Adrian Delia saħaq li dawn iċ-ċirkostanzi jsaħħuh fil-ġlieda li qed jagħmel għall-ġid ta’ wliedu u wkoll tal-Partit Nazzjonalista u tal-pajjiż.
“Irrid nirringrazzja lill-ħafna Maltin u Għawdxin li wrew solidarjetà qawwija miegħi f’dawn l-aħħar ġranet,” qal Adrian Delia.
Dwar l-abort – li rapport fil-gazzetta ‘il-mument’ jgħid li l-Gvern qed ikompli jikkonsidra li jillegalizza – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista ilu li ħa linja kontra l-valuri u kontra l-identità tagħna l-Maltin f’liġi wara oħra. Hu qal li l-Partit Laburista jrid joħloq stat bla ruħ, a soulless state. Il-Partit Nazzjonalista, min-naħa l-oħra, għandu linja ċara u qawwija favur il-ħajja mill-mument tat-tnissil sal-mewt naturali.
“Għalina hemm persuna b’dinjità u mhux tmien ċelloli,” iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni li qal li din hi kwistjoni ta’ dinjità lejn dawk fl-aktar qagħda dgħajfa.
Mistoqsi dwar dak li għamel fil-Milied, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar l-inizjattiva li ħadet il-Caritas f’Jum il-Milied biex torganizza ikla għal mijiet ta’ persuni vulnerabbli, li għalieha kien preżenti flimkien mal-Arċisqof u l-President ta’ Malta. Adrian Delia qal li filwaqt li mar biex jagħti daqqa t’id, spiċċa rċieva aktar milli ta.
//= $special ?>