David Agius, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Parlamentari, fl-aħħar ġimgħat inħatar viċipresident tal-European Union of Christian Democratic Workers (l-EUCDW) tal-Partit Popolari Ewropew (il-PPE).
David Agius kiseb 91% punt 5 tal-voti f’din l-elezzjoni li saret waqt il-Kungress tal-EUCDW fi Vjenna, li matulu ġie elett bħala President l-Ewroparlamentari Ġermaniż Elmar Brok. L-EUCDW tħaddan fiha 24 moviment tal-ħaddiema minn 18-il pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-mument tkellem mal-Viċi Kap David Agius kemm dwar ir-rwol il-ġdid tiegħu kif ukoll dwar il-ħidma Parlamentari fl-aħħar sena u x’hemm jistenniena matul is-sena l-ġdida.
X’wasslek biex tikkandida ruħek għal din il-kariga?
Fil-Partit Popolari Ewropew, is-sezzjoni tal-EUCDW tal-ħaddiema mmexxija mill-MEP Elmar Brok għandha influwenza qawwija fuq il-politika tal-PPE u tal-Parlament Ewropew fejn jidħlu s-settur soċjali u dak relatat mad-drittijiet u dmirijiet tal-ħaddiema.
Ili naħdem fl-EUCDW għal dawn l-aħħar tnax-il sena u aktar flimkien ma’ numru ta’ assoċjazzjonijiet u unions ta’ ħaddiema minn diversi pajjiżi Ewropej. Matul daż-żmien bnejt netwerk tajjeb biex inkun nista’ nikkandida ruħi għal kariga ta’ viċipresident u nfassal il-politika tal-PPE dwar il-ħaddiema.
Xi tfisser li tkun viċipresident?
Flimkien mal-President u għadd ta’ membri oħrajn fl-EUCDW niltaqa’ ma’ MEPs tal-PPE u nfasslu l-politika u papers dwar direttivi li l-Parlament Ewropew ikun irid jiddiskuti fi ħdanu. Dan ovvjament nagħmlu biex f’dik il-politika nieħdu ħsieb l-interess tal-ħaddiema Maltin bħal fil-każ tal-Working-time Directive, it-turiżmu, u suġġetti oħrajn. L-għan ewlieni hu li l-ħaddiema Maltin jibqa’ jkollhom vuċi f’fora Ewropej.
Għall-Partit Nazzjonalista xi tfisser din il-kariga?
Dan hu ċertifikat ieħor għall-Partit Nazzjonalista għax għandu persuna oħra f’kariga għolja fl-istrutturi tal-Partit Popolari Ewropew. Din il-kisba tixhed ir-rispett li għandu l-Partit Nazzjonalista fi ħdan il-PPE bis-saħħa tal-ħidma ta’ bosta esponenti tal-PN fil-passat u fil-preżent. Jidher li din il-ħidma ħalliet il-frott mixtieq u jien se nkompli nibni fuq it-tajjeb tal-politiċi Maltin oħra li ħadmu mill-qrib mal-PPE. Pereżempju l-MEP Nazzjonalista David Casa qiegħed f’kumitat tal-ħaddiema u l-aspetti soċjali, u allura x-xogħol tajjeb li sar irridu nkomplu nibnu fuqu.
Anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed iħalli effett fuq il-politika tal-Parlament Ewropew…
Hekk hu. U rridu nkunu influwenti u effettivi daqskemm innovattivi għax l-Unjoni Ewropea taffettwa lil pajjiżna wkoll. Irridu niżguraw li d-direttivi tal-Unjoni Ewropea jkunu ta’ benefiċċju għall-ħaddiema Maltin kollha.
Fl-ewwel ġranet tiegħek bħala viċipesident tal-EUCDW inti ħejjejt dokument. Fiex jikkonsisti u x’inhu l-iskop tiegħu?
Fassalna dokument dwar bosta aspetti tal-politika li għandha x’taqsam mal-ħaddiema u l-qasam soċjali, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u oqmsa oħra. Ippreżentajnieh ukoll bil-Malti biex ikun aċċessibli għall-midja u jasal għand il-ħaddiema Maltin. Irridu li l-ħaddiem Maltin jifhem kemm l-Unjoni Ewropea hi importanti għalih. Fl-istess waqt irridu naraw li l-Unjoni Ewropea tibqa’ rilevanti għall-ħaddiema Maltin billi nispjegaw il-ħidma li tkun qed twettaq.

Inti rnexxielek tikseb riżultat pjuttost pożittiv b’appoġġ kbir mill-membri li vvutaw. Xi jfisser dan għalik u anke għall-Partit Nazzjonalista?
Meta tqis l-ammont ta’ delegati li vvutaw minn diversi pajjiżi Ewropej u minn diversi organizzazzjonijiet Ewropej, dan juri li l-ħidma li għamilna fil-passat, l-ideat li ppreżentajna u s-sehem tagħna fil-laqgħat huma kontribut siewi li ġie apprezzat.
Aħna għamilna l-kampanja tagħna bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-Mediterran b’rabta anke mal-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Ewropa, u għalhekk id-delegati emmnu li jien nista’ nkun il-vuċi tal-ħaddiema b’mod li nqis l-istampa l-kbira, il-kuntest tal-Mediterran. Dan ir-riżultat ksibnieh mhux biss għalija personali iżda anke għall-Partit Nazzjonalista u għal Malta.
Is-sena 2019 se tkun sena importanti għall-Partit Nazzjonalista, għall-PPE u anke għall-Parlament Ewropew. Kif se twettaq ħidmietek minn issa `l quddiem?
Qabel xejn din il-kariga teħtieġ ħidma bla heda minn hawn Malta stess iżda anke fi Brussell. Hija kariga għalkollox volontarja. Bla dubju, tul l-ewwel sitt xhur tal-2019 se nippreżentaw il-politika tal-Partit Popolari Ewropew għall-qasam tal-ħaddiema u se nkunu impenjati bis-sħiħ f’Malta u f’bosta pajjiżi oħra madwar l-Ewropa biex il-ħaddiema Ewropej jagħrfu li l-politika tal-PPE hi b’saħħitha u rilevanti għalihom.
Barra minn hekk dan id-dokument li ġie approvat waqt il-Kungress joħroġ fid-dieher li bħala PPE, qed inkunu innovattivi fejn jidħlu d-drittijiet tal-ħaddiema. Se nkunu qed naqdu rwol kruċjali fix-xhur li ġejjin. M’hemmx dubju li baqa’ ħafna xi jsir biex inkomplu niksbu aktar appoġġ tal-ħaddiema Ewropej.
Inti wkoll viċikap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament. Kif tħares lejn il-ħidma tal-Parlament Malti s-sena li għaddiet u x’qed tistenna mill-Parlament għas-sena li ġejja?
Is-sena li għaddiet kienet sena diffiċli għax ridna nieqfu kemm-il darba lill-Gvern fuq diversi temi biex ma jibqax għaddej. Ġegħelnieh ibiddel ħafna deċiżjonijiet li kien ħa f’diversi setturi. Bħala Oppożizzjoni b’saħħitha rnexxielna nagħtu vuċi lill-ħaddiema Maltin minn diversi setturi. Barra minn hekk konna diliġenti u attenti fuq dak li qed iseħħ f’pajjiżna. Jidhirli li matul l-aħħar sena wassalna messaġġi b’saħħithom.
Għas-sena d-dieħla hemm ippjanat ħafna xogħol. Hemm diversi liġijiet importanti, u se naraw li xejn ma jmur kontra l-prinċipji tagħna, u li ħadd ma jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn. Se nibqgħu Oppożizzjoni b’saħħitha u nsemmgħu leħinna fejn ikun hemm bżonn. Se rressqu mozzjonijiet, u nibqgħu nħeġġu lill-Gvern biex jagħti widen lil żewġ talbiet tagħna. L-ewwel waħda li jżid il-mozzjonijiet tagħna għax minflok is-seduta tal-Ħamis għax-xogħol tal-Oppożizzjoni, dan il-Gvern irrendieha għal darba kull tliet xhur. Jidhrilna li din m’hijiex biżżejjed, u rridu li l-Gvern jifhem li biex inkunu tassew demokratiċi u jkollna Parlament li jiffunzjona sew, jeħtieġ niddiskutu wkoll mozzjonijiet min-naħa tal-Oppożizzjoni. Irridu wkoll li l-Gvern jalloka sessjoni għal mistoqsijiet indirizzati biss lill-Prim Ministru. Ilna ħafna nisħqu fuqha din, u donnu li l-Gvern mhux lest li jisma’ jew qed jibża’ jaffaċċja l-Parlament.
Barra minn hekk din is-sena għandna l-għażla tal-President tar-Repubblika. Taħbat okkażjoni importanti biex il-Gvern jifhem il-ħsieb tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia li jkollna persuna li ma tkunx mill-kamp tal-Gvern ħalli l-poter jinqasam aħjar.
Ħaġa oħra importanti li qed nisħqu fuqha, hi li titwettaq il-wegħda tar-Riforma Kostituzzjonali, li dan il-pajjiż tant għandu bżonn. Bħala Oppożizzjoni se noħorġu b’ideat u proposti biex ikollna t-tibdil neċessarju.
Issa li beda jaħdem il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, irridu naraw li dan il-Kummissarju jkollu għodod biżżejjed biex ikun jista’ jagħmel xogħlu kif titlob il-liġi.
Fl-aħħar nett jeħtieġ li bħala Oppożizzjoni rridu niffukaw ukoll fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsilli Lokali. B’mod partikolari rridu naraw u naħdmu biex il-Gvern isaħħaħ u jagħti aktar poteri, fondi u vuċi lill-Kunsilli Lokali.
It-triq hi twila iżda determinati li naslu.
//= $special ?>